“Għalfejn qed tipproteġuh tant li kellkom tneħħu Ministru li ma qabilx ma’ din id-deċiżjoni li ħadtu?”
Saħqet dan Isabelle Bonnici, omm iż-żagħżugħ Jean Paul Sofia – hekk kif qed tappella li Kurt Buhagiar, persuna li allegatament kienet involuta fil-qtil ta’ binha, ma tibqax taħdem mal-Lands u terġa’ tiġi sospiża sakemm għal inqas jiġi konkluż il-każ.
Isabelle Bonnici qalet li għandha bżonn is-sapport tal-pubbliku sabiex bħalma ġara fil-passat, jingħaqad magħha u jiġġieled l-inġustizzji – sabiex fi kliemha, minn dak li għaddiet hi, jekk jista’ jkun ma jgħaddi ħadd.
Hi kompliet billi staqsiet mistoqsija sempliċi lil min kien involut fir-ritron ta’ Kurt Buhagiar fil-Lands – kienu jagħmlu dan il-pass li kieku l-vittma kienet it-tifel tagħhom.
Appart min hekk hi appellat ukoll sabiex tittieħed azzjoni mill-aktar fis minħabba l-fatt li bħala familja, qed jerġgħu jgħaddu mill-martirju ta’ snin ilu fi żmien fejn il-Prim Ministru ta’ pajjiżna ma riedx li l-inkjesta dwar il-mewt ta’ binha tkun waħda pubblika.
Intant, it-Times, fl-editorjal tal-Ħadd, tkellmet fuq din il-ġerħa u ddiskrivewha bħala qtil mill-ġdid taż-żagħżugħ Sofia. Bl-editrojal jisħaq li b’din id-deċiżjoni min naħa tal-Gvern, il-familja kollha tal-vittma reġgħet qed tesperjenza episodju ikrah ta’ sens ta’ inġustizzja.
Ġie elenkat ukoll kif l-inqas ħaġa li jista’ jagħmel l-Istat hu li jara li ssir ġustizzja ta’ veru u kif suppost mal-familja – però minflok, apparti n-nuqqasijiet amministrattivi li saru u li kkaġunaw din it-traċedja, issa reġa’ ddaħħal persuna mal-awtorità tal-artijiet li qiegħed jiġi mixli, fost l-oħrajn, b’dan il-qtil involontarju. Gvern li qisu qed jagħmel apposta sabiex jibqa’ jweġġa lil din l-omm li sal-lum għadha qed taħdem għal riformi ta’ veru.
Omm li fi kliema stess, qed terġa’ tgħaddi minn “uġigħ tremend”
Intant Isabelle Bonnici saħqet li ma tistax tifhem l-għaliex ġiet irrevokata s-sospenzjoni tal-akkużat bil-qtil ta’ binha u kif saħansitra kellu jinbidel il-Ministru inkarigat mil-Lands sabiex din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ.
B’sorsi fi ħdan il-Partit Laburista fil-Gvern jgħidulna li fuq din id-deċiżjoni saħansitra, Robert Abela, kien lest jagħmel reshuffle żgħira sabiex isiru l-manuvri meħtieġa – liema manuvri, fi kliem Isabelle Bonnici stess, qed ikomplu jroxxu l-melħ fuq il-ferita. B’uġigħ ta’ omm li kulma jmur qed tistenna’ ġustizzja ta’ veru.
//= $special ?>