Sport Waterpolo

Il-President tal-waterpolo ta’ Sliema, mistieden f’Man Up+ tal-lejla

George Gregory, President tal-klabb tal-waterpolo ta' Sliema
George Gregory, President tal-klabb tal-waterpolo ta' Sliema

George Gregory, President tal-klabb tal-waterpolo ta’ Sliema, se jkun il-mistieden ewlieni fit-tieni programm għal din l-iskeda tas-sajf, Man Up+ fuq Net Television.

Nhar is-Sibt li għadda, f’match day 5 tal-Kampjonat Premier, Sliema baqgħu mhux megħluba f’dan l-istaġun tas-sajf, meta għelbu lir-rivali San Ġiljan 15-11. B’dan ir-riżultat Sliema saħħew posthom fil-quċċata tal-klassifika u fetħu vantaġġ ta’ tliet punti fuq il-Ġiljaniżi li jinsabu warajhom, fit-tieni post.

F’Man Up+ tal-lejla, ippreżentat minn Christian Micallef, il-President taċ-champions tal-waterpolo lokali fl-istaġun li għadda, Gregory se jkun qed jitkellem dwar il-mument pożittiv tas-Slimiżi iżda mhux biss.

Kif jagħmel dejjem ma’ kull mistieden li jkollu, Micallef imiss temi oħra ta’ diskussjoni relatati mal-waterpolo, b’diskussjoni oġġettiva u li tmur lilhinn mis-sensazzjonaliżmu.

F’Man Up+ tal-lejla, li jibda fid-9:35pm fuq Net Television, se tkunu tistgħu ssegwu dak li ġara fil-bqija tal-logħob l-ieħor li ntlagħab nhar is-Sibt li għadda, fejn kelna rebħiet oħra għal Neptunes u Sirens rispettivament.

Minn din is-sena, il-produzzjoni ta’ Man Up+ qed twessa’ il-programm sportiv sajfi għal dixxiplini sportivi oħra li fil-mument jkunu fl-aħbarijiet. Mix-xena internazzjonali, illejla se tingħata ħarsa lejn dak li ġara l-bieraħ fil-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-klabbs, u li Chelsea rebħu 3-0 kontra PSG.

Lilhinn mill-futbol, f’Man Up+ tal-lejla se jkun hemm servizz speċjali dwar is-suċċessi li kisbu matul tmiem il-ġimgħa il-plejers tat-tennis, Iga Swiatek u Jannik Sinner bir-rebħ tal-kompetizzjonijiet tas-singles tan-nisa u tal-irġiel fl-Open ta’ Wimbledon.

Mix-xena tal-futbol lokali, fl-aħħar parti tal-programm tal-lum, se tingħata ħarsa lejn il-prestazzjonijiet li kellhom tlieta mill-erbgħa timijiet Maltin li ġimgħa llu kienu fl-azzjoni fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA, ċioé Ħamrun Spartans, Birkirkara u Floriana.

Madankollu b’differenza mis-soltu, illejla l-producer eżekuttiv ta’ Man Up+ u Kap tat-Taqsima Sport ta’ Net Media, Christian Micallef se jintroduċi kunċett ġdid, fejn tkun analiżżata f’ċertu dettall tekniku u tattiku l-prestazzjoni ta’ tim Malti. Illejla l-lenti ta’ Man Up+ se tkun fuq Floriana u r-rebħa li huma kellhom fid-debutt tagħhom fl-ewwel logħba tal-istaġun il-ġdid kontra Haverfordwest County AFC ta’ Wales, fl-ewwel leg mill-ewwel rawnd tal-UEFA Conference League.

Din hija s-26 sena ta’ Man Up+ fuq Net Television, fejn għal dawn l-aħħar snin, sajf wara l-ieħor, dan il-programm dejjem baqa’ konsistenti u żamm postu fl-iskeda ta’ dan l-istazzjon. Aktar minn hekk skont l-aħħar stħarriġ tal-Awtoritá tax-Xandir li kien sar fis-sajf li għadda, Man Up+ baqa’ l-aktar produzzjoni sportiva fuq it-televiżjoni lokali li hi segwita fix-xhur tas-sajf.

Man Up+ jixxandar kull nhar ta’ Tnejn fid-9:35pm fuq Net Television u jitwassal bl-appoġġ ta’ Rossopomodoro, minn fejn kull ġimgħa jixxandar dan il-programm mir-restorant tal-Mrieħel, IZIBET, Heinz, Hyundai u Logografix Signs.