Internazzjonali

Is-Sirja: Maqtula f’eskalazzjoni tal-ġlied bejn il-Bedwin u d-Drużi

Mietu tal-anqas 30 ġellieda waqt sensiela ta’ battalji, fin-nofsinar tas-Sirja,  bejn it-tribu tal-Bedwin u l-gruppi tal-milizji Drużi.

Il-vjolenza żbruffat f’belt iddominata mid-Drużi fil-provinċja ta’ Suweida. Dan b’konsegwenza tal-ħtif, jiem qabel, ta’ negozjant tad-Drużi f’ħin meta hu kien qed jivvjaġġa lejn Damasku.

L-aħħar żviluppi kienu rappurtati mill-Ministeru Sirjan għall-Intern, bil-kelliema jfissru s-sitwazzjoni bħala ‘eskalazzjoni perikoluża’.

Intant, fl-aħħar sigħat, il-Gvern Sirjan kien qed jibgħat il-qawwiet tas-sigurtà fl-inħawi ta’ Suwieda bħala sforz biex is-sitwazzjoni tikkalma.

Fl-istess ħin, hemm arja qawwija ta’ tensjoni b’kaġun tal-aħħar vjolenza bejn il-gruppi rivali fis-Sirja – pajjiż li baqa’ instabbli, xhur wara li l-qawwiet tar-ribelli kienu waqqgħu r-reġim tal-Eks President Bashar al-Assad, f’Diċembru li għadda.