Sport Sport Ieħor

Is-suċċessi ta’ Sinner u Swiatek waslu wara li t-tnejn, xhur ilu, skontaw sospensjoni għal doping

Ir-rebbieħa tal-Open ta' Wimbledon ta'din is-sena, Jannik Sinner u Iga Swiatek
Ir-rebbieħa tal-Open ta' Wimbledon ta'din is-sena, Jannik Sinner u Iga Swiatek

Il-138 edizzjoni ta’ wieħed mill-akbar Grand Slams tat-Tennis fid-dinja, l-Open ta’ Wimbledon, ġiet fit-tmiemha l-bieraħ bil-finali tas-singles tal-irġiel. It-Taljan ta’ 23 sena, Jannik Sinner kiteb l-istorja meta rebaħ dan it-turnament għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu u ċaħħad lill-avversarju dirett tiegħu, l-Ispanjol Carlos Alcaraz milli jerġa’ jirbaħ din il-kompetizzjoni għat-tielet darba infila.

L-istess xenarju seħħ fis-singles tan-nisa, hekk kif il-Pollaka, Iga Swiatek rebħet l-Open ta’ Wimbledon għall-ewwel darba ukoll fil-karriera tagħha, biex b’hekk it-total ta’ Grand Slams mirbuħa sal-lum minn Swiatek hu ta’ sitta; erba’ darbiet l-Open ta’ Franza, darba l-US Open u issa r-rebħ tal-Open ta’ Wimbledon.

Għaldaqstant ir-rebbieħa ewlenin f’dan wieħed mill-akbar turnaments ta’ attrazzjoni fost id-dilletanti tat-Tennis internazzjonali, irnexxilhom jagħmlu dan għall-ewwel darba fil-karriera tagħhom, iżda mhux biss. Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dan it-turnament, li llu jintlagħab mill-1877, għadna plejers rebbieħa li fil-passat riċenti tagħhom, servew sospensjonijiet għal sustanzi pprojbiti. L-għada tat-tmiem ta’ dan il-Grand Slam, dan id-dettall nissel diskussjoni b’element kontroversjali u diverġenża fil-ħsieb fost dawk li jsegwu b’interess dan l-isport.

B’ċertezza, kemm Sinner kif ukoll Swiatek, ma ddejqu xejn jirrimarkaw iż-żmien li għamlu barra mil-logħba minħabba d-doping. Dan il-fatt waħdu kompla jagħti lok għal aktar kontroversja, b’uħud huma tal-fehma li l-fatt li din is-sena dan il-Grand Slam daqstant popolari, intrebaħ minn plejers li kienu sospiżi mil-logħba għaliex kienu pożittivi għad-doping, ma jgħinx biex it-Tennis internazzjonali jkollu dehra tajba.

Meta Sinner kien mistoqsi mill-media internazzjonali, kif iħossu li qed issir din it-tip ta’ kritika fil-konfront tiegħu u ta’ Swiatek, in-numru wieħed fid-dinja fil-mument, ma żammx lura milli jkompli jkun kontroversjali fil-kummenti tiegħu.

“Meta tiftakar minn xiex għaddejna, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-lum huma saħansitra akbar għaliex kien żmien diffiċli kemm għal Swiatek kif ukoll għalija, u huma biss aħna, it-timijiet rispettivi tagħna u l-aktar nies qrib tagħna li nafu eżatt minn xiex kela ngħaddi u kif seħħew l-affarijiet,” qal Sinner.

It-tennist, li x-xahar li ġej jagħlaq 24 sena, Sinner żied jgħid li “dejjem se jkun hemm xi nies li jemmnu fik u oħrajn le. Għaldaqstant li nirbħu l-Open ta’ Wimbledon hu tragward speċjali għalina sforz il-perjodu stressanti li għaddejna minhu f’dawn l-aħħar erba’ u ħames xhur.”

Nhar is-Sibt li għadda, wara li Swiatek rebħet il-finali tas-singles tan-nisa, meta ġabet fix-xejn l-isfida fqira fil-ġurnata tal-Amerikana, Amanda Anisimova qalet tagħha ukoll dwar il-perjodu xejn sabiħ li kellha tgħaddi minhu sforz is-sospensjoni ta’ xahar li skontat lejn l-aħħar tas-sena 2024.

Swiatek kienet falliet test tad-doping wara li kienet pożittiva għall-medikazzjoni tal-qalb trimetazidine (TMZ) f’kampjun barra mill-kompetizzjoni li kienet saret f’Awwissu 2024. Is-sustanza li ħadet Swiatek kienet meqjusa rregolari għaliex TMZ hija kimika meqjusa li żżid il-fluss tad-demm lejn il-qalb u tistimula l-metaboliżmu tal-glukożju, li jista’ itejjeb il-prestazzjoni meta tittieħed minn atletá fl-isport. Għaldaqstant din is-sustanza hi pprojbita fil-livell ta’ elite sport.

“Ix-xhur li għaddew, il-mod ta’ kif ġieli ddeskrivewni fil-midja, kif ittrattaw lili u lit-tim tiegħi, ma tantx kien pjaċevoli”, saħqet bla tlaqliq Swiatek.

“Issa nispera li jħalluni biss kwieta u nagħmel xogħli.,” żiedet tgħid Swiatek.

Fil-każ ta’ Swiatek, jeżisti ukoll angolu ieħor ta’ din l-istorja, għaliex jekk il-Pollakka ħasset li x-xahar sospensjoni kienet waħda inġusta, kien hemm min, inkluż plejers li saħqu li l-piena li ngħatat il-plejer kienet kollox għajr waħda ħarxa speċjalment meta wieħed iqabbel ma’ pieni oħra li ngħataw fil-passat lill-plejers oħra tat-Tennis.

Il-veritá hi li kull dilettant ta’ din il-logħba jaf għandu fehma differenti fuq id-dehra li ħa t-Tennis dinji wara li żewġ plejers li kienu sospiżi fuq doping, saru l-ewwel plejers fl-istorja li rebħu l-Grand Slam ta’ Wimbledon. Min jemmen li dan jaf ikollu riperkussjonijiet ħżiena fuq il-logħba u min ma jara assolutament xejn ħażin f’dan kollu.