Internazzjonali

Iżrael: ‘Il-qtil tat-tfal f’Gaza kien dovut għal miskalkulazzjoni teknika’

Il-militar Iżraeljan qed jinvestiga l-azzjoni tal-Ħadd f’Gaza li swiet il-ħajja ta’ mill-anqas sitt itfal Palestinjani. Azzjoni li kienet diretta kontra mira tat-terroristi tal-Ħamas fl-inħawi ta’ Nuseirat u meta l-Iżraeljani, issa, qed jirreferu għall-qtil tat-tfal bħala ‘riżultat ta’ miskalkulazzjoni teknika’.

Il-vittmi ċkejknin kienu parti minn grupp ta’ Palestinjani li kienu qed jistennew l-għajnuna viċin faċilità għad-distribuzzjoni tal-ilma.

L-Iżraeljani qalu li l-qawwiet tagħhom. dak il-ħin, kienu qed jimmiraw għall-militanti Iżlamiċi armati u meta seħħet ‘sitwazzjoni’ fejn il-munizzjon niżel ‘diversi metri ‘l bogħod mill-mira oriġinali.’

Il-kelliema għall-militar qalu wkoll li l-investigazzjoni qed tkompli filwaqt li esprimew dispjaċir ‘għall-konsegwenzi qattiela li kellhom jinvolvu liċ-ċivili innoċenti’.

L-uffiċjali għas-servizzi tas-saħħa f’Gaza qalu wkoll li l-qawwiet Iżraeljani, nhar il-Ħadd, laqtu zona fiċ-ċentru tal-Belt ta’ Gaza u fejn diversi ċivili kienu qed jippassiġġaw u jqattgħu ġurnata ma’ familthom. Ir-riżultat ta’ dan kien tal-anqas 11 maqtula u ‘l fuq minn 30 midruba.

Fl-aħħar sigħat ukoll, dehru qed jonqsu t-tamiet li Iżrael u r-Rappreżentanti tal-Ħamas jistgħu jilħqu dalwaqt ftehim għal waqfien mill-ġlied f’Gaza.

Dan minkejja xhur ta’ taħditiet relatati, fost it-tamiet li l-Ħamas jeħles lill-aħħar ostaġġi Iżraeljani li ilu jżomm għal xhur anki waqt li tidħol aktar għajnuna umanitarja fil-Medda ta’ Gaza.

Problema ewlenija fit-taħditiet tinvolvi l-preżenza tal-militar Iżraeljan f’Gaza anki f’sitwazzjoni fejn in-naħat ikunu qablu dwar pawża fil-battalji.

Intant, il-Gvern Iżraeljan mhux beħsiebu jkun flessibbli fid-domandi tiegħu.

Dan meta l-Prim Ministru Benjamin Netanyahu u l-Kabinett tiegħu qed jgħidu li lesti biex iwaqqfu l-gwerra biss ladarba l-Grupp Ħamas jimplimenta proċess sħiħ ta’ diżarm – u bil-membri ewlenin tiegħu jmorru jgħixu f’eżilju. Kundizzjonijiet li l-Ħamas mhux lest li jaċċetta.

Sadanittant, il-Ħamas qal li lest biex jeħles il-50 ostaġġi Iżraeljani li fadal –  u meta mifhum li tal-anqas nofs l-ostaġġi laħqu mietu fi priġunerija. Madankollu, il-militanti Palestinjani, anki minn dan l-aspett qed jinsistu biex it-truppi Iżraeljani jirtiraw ‘bilfors’ mill-artijiet ta’ Gaza.