€441,590 – din kienet is-somma finali miġbura fil-Maratona ‘Oħloq Tbissima’ – maratona miġbura fuq tlett ijiem u li fissret għajnuna għall-missjoni u għal Dar San Ġużepp, li tilqa’ fi ħdanha tfal bi problemi soċjali.
B’dawn il-flus se jiġu rinovati appartamenti fl-istess Dar sabiex dawk li jagħlqu t-18-il sena jkunu jistgħu jibqgħu jabitaw hemmhekk; waqt li jkunu jistgħu jkomplu jistudjaw jew jaħdmu.
Fr Louis Mallia stqarr li dan il-proġett hu ta’ importanza kbira, għaliex hemm numru sabiħ ta’ residenti li ser ikomplu bl-istudji tagħhom kemm fl-MCAST kif ukoll fl-Università ta’ Malta. U dawn se jkunu jistgħu jkomplu jassiguraw futur aħjar b’assistenza neċessarja.
Apparti r-rinovar ta’ appartamenti f’Dar San Ġużepp, il-fondi miġbura f’din il-maratona ser imorru wkoll għal missjoni barra minn pajjiżna, f’assistenza annwali li Oħloq Tbissima tagħti lill-missjunarji li jinsabu ‘l bogħod minn pajjiżna. Dan hekk kif fil-Peru, fost l-oħrajn ser tibda wkoll tinbena skola ġdida – b’għajnuniet oħrajn għal kawżi ġusti varji madwar id-dinja, f’pajjiżi fejn il-faqar ta’ bilħaqq qed jibqa’ jgħolli rasu.
Oħloq Tbissima’ ilha 22 sena tappoġġja lill-missjunarji Maltin, li jipprovdu l-għajnuna lill-familji fil-Perù, il-Pakistan u l-Filippini biex jirċievu kura medika u jkollhom l-ikel ta’ kuljum.
L-organizzaturi tal-maratona rringrazzjaw lill-pubbliku kollu li dejjem ikun solidari u ġeneruż fil-Maratoni – u l-poplu qed ikompli jgħin sabiex ħajjet dawk inqas ixxurtjati dejjem tmur għall-aħjar.
//= $special ?>