Taljan ta’ 59 sena ġie illiberat bil-kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor għal żmien sentejn wara li ammetta fil-Qorti li qal li kellu bomba fil-bagalja tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, b’riżultat li qajjem paniku u allarm għas-sigurtà.
Tommaso Palmieri, li kien qed jistenna biex jitla’ fuq titjira tar-Ryanair lejn Ruma nhar il-Ħadd filgħodu, ġie mwaqqaf minn uffiċjali tal-ajruport għaliex allegatament ma kienx ħallas biex jieħu l-hand luggage tiegħu. Skont l-investigazzjoni tal-Pulizija, inqala’ argument bejn Palmieri u l-uffiċjali wara li l-ammont li ġie mitlub iħallas kien differenti minn dak li kien sarlu fl-Italja. Minkejja kollox, Palmieri eventwalment ħallas.
Hekk kif uffiċjal kienet qed tpoġġi t-tikketta fuq il-bagalja tiegħu u staqsiet jekk kellux apparat elettroniku ġewwa fiha, Palmieri weġibha b’ton ironiku: “I have a bomb” (“Għandi bomba”). Hekk kif qal dan, ġie arrestat minnufih.
L-Ispettur Roxanne Tabone, li mexxiet il-prosekuzzjoni, qalet li l-akkużat ġie miżmum mill-Pulizija u ttieħed il-Qorti l-għada. Palmieri ammetta għall-akkuża miġjuba kontrih, u l-Maġistrat Leonard Caruana tah kundizzjoni għal sentejn – jiġifieri jekk jikkommetti reat ieħor f’dan il-perjodu, jista’ jiġi kkundannat mill-ġdid għal dan l-inċident ukoll.
L-Avukat Giannella de Marco dehret għal Palmieri fil-Qorti.
//= $special ?>