Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) tibqa’ impenjata bis-sħiħ fil-kontribut tagħha għall-konservazzjoni tal-gamiema permezz tal-proġett tagħha ta’ Tnissil fil-Magħluq u Tluq fis-Selvaġġ, minkejja l-isfidi mhux mistennija li ġabet magħha din is-sena.
Bis-saħħa tal-programm ta’ Riċerka li din is-sena waqt l-istaġun miftuħ għall-kaċċa fir-rebbiegħa l-FKNK irnexxiela topera, meta numru ta’ membri nassaba illiċenzjati għażlu li jonsbu għall-gamiem bil-metodu tradizzjonali, li ma jikkaċċjawx il-gamiem minkejja li jista’ wkoll għandhom il-liċenzja tal-kaċċa, u li l-gamiem li setgħu jaqbdu jingħata għall-proġett tal-FKNK, l-FKNK irrilaxxat żewġ gamimiet mgħammra b’trażmettitur satellitari ftit wara li dawn kienu nqabdu waqt ir-Riċerka.
Fl-aħħar ġimgħa ta’ April, l-FKNK irrilaxxat gamiema bl-isem Mary mgħammra b’trażmettitur satellitari. Din il-gamiema, li kienet inqabdet f’Malta, telgħet lejn Sqallija u bħalissa tinsab f’zona taħt l-Etna. Dawn l-isforzi individwali ta’ moniterraġ qegħdin jagħtu tagħrif xjentifiku kruċjali dwar l-imġiba u moviment fl-ambjent naturali tal-gamiem fis-selvaġġ.
Fil-bidu ta’ Mejju l-FKNK irrilaxxa it-tieni gamiema bl-isem Ġuża, li kienet inqabdet f’Għawdex fit-3 ta’ Mejju, wkoll mgħammra b’trażmettitur satellitari. Ġuża passiet ‘il fuq mall-kosta tal-punent tal-Italja u waslet f’zona ħdejn Civitavecchia, meqjusa bħala waħda mill-aktar importanti fl-Italja għall-popolazzjoni tal-gamiem li jnissel fis-selvaġġ. Din l-informazzjoni diġà qiegħda tipprovdi tagħrif siewi dwar l-atteġġjament ta’ migrazzjoni ta’ din l-ispeċi.
Madankollu, din is-sena, hekk kif l-FKNK kienet waslet bl-aħħar preparamenti għat-tluq annwali fuq skala kbira ta’ mijiet ta’ gamiem imnisla fil-maħluq, ġiet infurmata mir-regolatur, dwar restrizzjonijiet ġodda fuq l-għasafar u t-tjur minħabba preżenza lokali tal-marda ‘Newcastle’. B’konsegwenza diretta ta’ dawn il-miżuri ta’ emerġenza, it-tluq ippjanat ma setax isir u lanqas sar tluq ta’ gamiem waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Imnarja kif normalment kienet qegħda tagħmel l-FKNK f’dawn l-aħħar snin. Din ir-restrizzjoni impedixxiet ukoll it-tluq ta’ aktar gamiem mgħammar b’trażmettitur satellitari kif kien ippjanat.
Però issa, la r-regolator għandu kemm neħħa r-restrizzjonijiet minħabba l-marda ‘Newcastle’, l-FKNK, ukoll bħalma għamlet f’dawn l-aħħar snin, beħsieba titlaq numru ta’ gamiem mill-proġett waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Festa ta’ San Ġiljan, wara li bosta membri tal-FKNK jagħtu salut lill-San Ġiljan billi jisparaw tiri ‘in bjank’ minn fuq il-bejt tal-Knisja ta’ San Ġiljan. San Ġiljan huwa meqjus bħala l-Qaddis Patrun tal-kaċċaturi Maltin.
Il-FKNK terġa’ ttenni l-impenn tagħha għal dan il-proġett ta’ konservazzjoni fit-tul tal-gamiema, permezz ta’ inizjattivi prattiċi u bbażati fuq ix-xjenza, u se tkompli żżomm lill-pubbliku u lill-membri tagħha infurmati dwar kull żvilupp ġdid.
L-FKNK tkompli bl-isforzi ta’ konservazzjoni tal-Gamiema minkejja sfidi mhux mistennija
