Edukazzjoni Lokali

MCAST jiftaħ l-applikazzjonijiet għall-korsijiet ta’ Ottubru 2025

L-applikazzjonijiet għall-korsijiet full-time fl-MCAST jiftħu llum u jibqgħu miftuħa sal-25 ta’ Awwissu 2025. B’aktar minn 200 kors disponibbli u interess qawwi mistenni, l-istudenti qed jiġu mħeġġa japplikaw kemm jista’ jkun malajr biex jiżguraw post fil-programm li jippreferu.

Il-prospettus għall-akademika 2025–2026 joffri għażla wiesgħa ta’ studji f’diversi oqsma, fosthom l-Inġinerija, Xjenza Applikata, Teknoloġija tal-Informazzjoni, Negozju, Kura tas-Saħħa u Soċjali, u Arti Kreattiva. Fih ukoll korsijiet ġodda li jirriflettu l-impenn tal-Kulleġġ li jipprovdi edukazzjoni li taqbel mal-ħtiġijiet tal-industriji tal-lum u l-ħaddiema ta’ għada.

Din is-sena jinkludi wkoll korsijiet fl-Istitut il-ġdid għas-Sengħa, iffukat kemm fuq il-ħiliet tradizzjonali kif ukoll fuq tekniki moderni. L-Istitut se joffri taħriġ prattiku fuq xogħol tal-ġebla, metalli, madum, textiles u metalli prezzjużi, filwaqt li jintroduċi lill-istudenti għal metodi ġodda bħall-istampar tat-3D – bl-għan li jingħaqdu l-ħiliet tradizzjonali ma’ teknoloġija moderna u jinħolqu opportunitajiet ta’ karriera għal żgħażagħ interessati fis-snajja’.

Stephen Vella, il-Prinċipal u CEO tal-MCAST, qal li dan l-Istitut huwa pass ewlieni biex Malta tipprepara forza tax-xogħol kapaċi, adattabbli u lesta għall-futur – fejn qal li, “nixtiequ nagħmlu t-taħriġ vokazzjonali aktar attraenti u mmirat lejn il-futur. Bl-Istitut għas-Sengħa, l-istudenti se jirċievu esperjenza prattika li tibni kemm il-ħiliet tradizzjonali kif ukoll il-ħsieb kritiku modern – ħiliet li huma apprezzati mill-impjegaturi u li s-soċjetà għandha bżonnhom.”

Punti ewlenin oħra jinkludu l-ewwel Master’s f’Veterinarja f’Malta, li tnieda s-sena l-oħra f’kollaborazzjoni mal-Universitat Autònoma de Barcelona. L-istudenti issa jistgħu jitħarrġu lokalment bħala professjonisti veterinarji. Il-kors tal-Baċellerat fil-Ħidma Soċjali qed ikompli jikber, u l-portfolio tal-isport issa jinkludi degrees ġodda fil-kowċing tal-futbol, għawm u żvilupp tat-tfal.

Il-korsijiet tal-MCAST jinkludu livelli varji — minn ċertifikati introduttorji sa degrees ta’ Baċellerat u Master’s, kif ukoll Dottorat ta’ Riċerka Professjonali. Erbgħa u għoxrin kors huma wkoll disponibbli fil-kampus ta’ Għawdex.

L-istudenti huma mħeġġa jniżżlu l-prospettus minn mcast.edu.mt u japplikaw kemm jista’ jkun malajr. Dawk li mhumiex ċerti dwar il-pass li jmiss jistgħu jikkuntattjaw it-Tim tal-Gwida tal-Karriera billi jibagħtu imejl fuq: careerguidance@mcast.edu.mt.