Oliver Camilleri, raġel ta’ 35 sena, residenti x-Xgħajra, ġie mmultat €1,200, kellu l-liċenzja revokata għall-perjodu ta’ tliet xhur kif ukoll tnaqqis ta’ 10 punti mill-liċenzja tas-sewqan wara li nstab mill-Qorti tal-Maġistrati b’sewqan perikoluż u li kkawża feriti ħfief lil persuna oħra waqt incident tat-traffiku li seħħ fit-23 ta’ Diċembru 2022 fi Triq il-Gvern Lokali, fil-Marsa.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11:20 ta’ filgħodu, meta Camilleri, li kien qed isuq vann tal-kumpanija, ma waqafx fil-ħin, u daħal ġol-karozza ta’ quddiemu, li kienet diġà waqfet sabiex tagħti aċċess lil persuna li kienet qed taqsam minn fuq zebra crossing.
Minn dan l-impatt, Justin Borg, li kien fil-vettura, sofra feriti ħfief fl-għonq u d-dahar, skont rapport mediku magħmul mit-tabib Ryan Camilleri mill-Isptar Mater Dei. Borg xehed li wara li l-karozza ta’ quddiemu waqfet fuq iż-zebra crossing, hu waqaf ukoll, iżda l-vann li kien qed isuq Camilleri daħal fuqu bil-forza, bil-konsegwenza li l-karozza tiegħu tmexxiet u spiċċat fuq iz-zebra crossing.
Xhud ieħor tal-inċident, Gillian Farrugia, ikkonfermat li kienet ukoll involuta fl-istess inċident u li kienet waqfet biex tagħti triq lil raġel li kien qed jaqsam. Hija kkonfermat li seħħet katina ta’ impatti bejn tliet vetturi, liema impatt inizja b’dak li kkawża l-vann ta’ Camilleri.
Camilleri, fil-verżjoni tiegħu, qal li kien qed isuq b’veloċità ta’ madwar 30 kilometru s-siegħa, iżda li l-vettura quddiemu waqfet f’daqqa u ma rnexxielux jieqaf fil-ħin minħabba d-distanza ta’ madwar 4.5 metri li kien qed iżomm minn wara.
Huwa ammetta li daħal fil-karozza ta’ quddiemu iżda insista li ma kienx qed isuq b’veloċità eċċessiva. Il-Qorti madankollu rrimarkat li tali distanza ma kinitx biżżejjed biex tiġi evitata l-kolliżjoni, speċjalment meta wieħed qed isuq vann.
Wara li semgħet ix-xhieda kollha u analizzat il-provi ppreżentati mill-prosekuzzjoni u mid-difiża, il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace kkonkludiet li Camilleri naqas milli jżomm distanza sigura, u saq b’mod traskurat, li wassal għall-ħabta u għall-feriti fuq persuna oħra.
Camilleri ġie dikkjarat ħati ta’ sewqan perikoluż u li kkaġuna feriti ħfief b’nuqqas ta’ ħsieb u b’nuqqas ta’ ħila. Minbarra l-multa l-Qorti ordnat li jitnaqqsu punti mil-liċenzja tas-sewqan tiegħu skont ir-Regolamenti dwar is-Sewqan u s-sistema tal-punti, u waqqfitlu l-liċenzja tas-sewqan għal perjodu skont il-liġi.