Raġel ta’ nazzjonalità Indjana ġie mmultat €4,000 wara li nstab ħati mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace li tajjar mara li kienet qed taqsam it-triq fuq il-“lights” (pelican crossing) fi Triq Diċembru 13, fil-Marsa. Huwa kellu wkoll il-liċenzja sospiża għall-perjodu ta’ tliet xhur.
Jithu James, ta’ 32 sena resdienti San Pawl il-Baħar, instab ħati li wettaq dan ir-reat fis-17 ta’ Ottubru 2023. James kien qed isuq vettura, u l-Qorti sabitu ħati li saq b’mod perikoluż, negliġenti u irresponsabbli, kif ukoll li kkawża feriti gravi involontarji lil Hoang Duong Yen Vy, li kienet f’nofs it-triq f’mument meta l-karozzi kienu diġà waqfu sabiex jagħtu triq lil dawk li kienu qegħdin jaqsmu.
Il-prosekuzzjoni, immexxija mis-surġent Theodore Busuttil, ressqet diversi xhieda, fosthom Michael Cluett, ix-xufier tal-karozza li kienet waqfet sabiex tagħti triq lil dawk li kienu qegħdin jaqsmu. Huwa xehed li kien waqaf għat-traffiku meta d-dawl kien qed jixgħel aħmar u l-pedestrians kienu diġà qed jaqsmu.
F’dak il-ħin, il-vettura misjuqa minn Jithu James laqtet bil-forza l-vettura ta’ Cluett minn wara, li mbagħad laqtet lill-vittma quddiemha. Cluett iddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda ta’ “veloċità mhux normali” mill-vettura li laqtitu u qal li ra l-mara tispiċċa mal-art b’demm f’wiċċha.
Huwa ċempel l-112 u pprova jassisti lill-vittma fuq il-post. Xhud ieħor, Shaun Debono, li kien ukoll qed jaqsam mal-kelb tiegħu, ikkonferma li kien hemm żewġ karozzi weqfin, u l-karozza ta’ wara daħlet b’forza fil-karozza ta’ quddiem, u b’hekk il-vittma sfat mitfugħa mal-art.
Debono spjega li ma kellux mobile u għalhekk ċempel l-ambulanza permezz ta’ persuni oħra fuq il-post. Il-Qorti osservat li James naqas milli jżomm attenzjoni xierqa għall-kundizzjonijiet tat-triq u tas-sinjali tat-traffiku, u dan wassal għall-inċident serju li weġġa’ gravi lil mara li kienet qed tuża d-dritt tagħha li taqsam minn post sigur.
Wara li semgħet il-provi kollha, il-Qorti sabitu ħati tal-erba’ akkużi: Sewqan b’mod perikoluż, sewqan b’mod negliġenti u sewqan b’mod irresponsabbli li kkaġunaw feriti gravi involontarji lill-vittma. Il-Qorti kkundannatu multa ta’ €4,000, tnaqqis ta’ 10 punti mil-liċenzja tas-sewqan u sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ tliet xhur.
//= $special ?>