Opinjoni

OPINJONI: L-iżbilanċi u l-pensjonijiet

min Joseph Zahra
Il-President
Assoċjazzjoni Pensjonanti
Anzjani Nazzjonalisti (APAN)

Nisimgħu l-Ministru tal-Finanzi naħsbu li kollox miexi fuq ir-rubini. Din mhix ir-realtà.
Bejn Jannar u April, xahar wara l-ieħor, il-Gvern kellu żbilanċ fil-kontijiet tiegħu. Fi Frar il-Ministru Clyde Caruana tenna li dak ix-xahar kellu żbilanċ għaliex daħlu inqas flus mill-income tax peress li kien hemm dħul straordinarju f’Diċembru.
Iżda l-iżbilanċ kompla f’Marzu u f’April biex bejn Jannar u April il-Gvern daħħal €32 miljun inqas u nefaq €252 iktar. Spiċċa bi żbilanċ ta’ €261 miljun meta fl-istess perijodu tal-2024 kellu bilanċ ta’ €23 miljun. Fl-istess żmien il-Gvern issellef €550 miljun. Dan kollu juri li l-finanzi tal-Gvern mhux veru li huma fis-sod.
Il-finanzi tal-Gvern jiddependu wkoll mill-ġid nazzjonali kif imkejjel mill-Prodott Domestiku Gross.
Skont rapport tat-3 ta’ Ġunju tal-Eurostat fl-aħħar żewġ kwarti tal-2024 Malta ma kellha ebda tkabbir fit-tielet kwart tal-2004 (0.0); u tkabbir minimu ta’ 0.2 fil-mija fir-raba’ kwart. Dan bi prezzijiet fis-suq.
L-iktar inkwetanti, u din tal-aħħar, hu li skont l-aħħar ċifri tal-NSO, il-Prodott Domestiku Gross minn ras għal ras wera żieda fit-tieni u fit-tielet kwart tas-sena l-oħra u mbagħad niżel u kompla niżel iktar fir-raba’ kwart tal-2024 u l-ewwel kwart ta’ din is-sena.
Ingħid jien għaliex niżel meta kien hemm żieda netta fil-popolazzjoni ta’ 21,000! Għalija dan ifisser tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Għaliex qed ngħid dan kollu! Lilna l-anzjani l-finanzi tal-Gvern jinteressawna. Jinteressawna għaliex il-parti l-kbira tal-anzjani jgħixu mill-pensjoni li jkunu ħadmu għaliha tul ħajjithom kollha. Flus imħallsa bħala kontribuzzjonijiet li fuq deċiżjoni tal-Gvern ta’ Mintoff ma baqgħux jinġabru f’fond apposta iżda saru parti mid-dħul ordinarju tal-Gvern u għalhekk għall-pensjoni niddependu minn dan id-dħul.

Il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali
Li kieku id-dħul mill-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali jmorru kollha f’fond li minnhom jitħallsu mhux biss il-pensjonijiet iżda l-benefiċċji kollha kontributorji, kieku dan il-fond iħallas il-benefiċċji kollha u jibqagħlu.
Hekk pereżempju s-sena l-oħra mill-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali l-Gvern daħħal €1,566 miljun u ħallas f’benefiċċji kontributorji €1,148 miljun.
Kieku kien hemm fond apposta kien jibqa’ fih €418-il miljun! Anke jekk jitħallsu l-benefiċċji kollha, dawk kontributirji u dawk le – b’kollox €1,474 – xorta l-fond kien jibqa’ bi €92 miljun. Dak li seħħ is-sena l-oħra rriżulta fis-snin ta’ qabel ukoll.
Għalhekk lilna jinteressana d-dħul tal-Gvern. Għalhekk jinterssana li jkun hemm mill-ġdid fond għall-pensjonijiet. Dan jagħti lill-pensjonanti serħan il-moħħ.
U ż-żidiet fil-pensjonijiet ma jibqgħux jingħataw daqslikieku l-Gvern qed jagħmlilna xi pjaċir iżda noħduhom minn fond li jkun qed jimtela’ minn flus li jpoġġu fih il-kontribuzzjonijiet tagħhom il-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 13 ta’ Lulju, 2025.