Lokali Qorti

Protest ġudizzjarju minn sid ta’ villa kontra l-Maypole fuq allegat storbju

Sid ta’ villa f’Birkirkara qed jikkontesta storbju li sejjaħlu “insapportabbli” minn makkinarju li jisuplixxi lill-friġis u friżers tal-ħanut Maypole f’Birkirkara. Joseph Grech, residenti f’villa fi Triq Dom Mauro Inguanez f’Birkirkara.

Huwa ressaq protest ġudizzjarju quddiem il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-ħanut Maypole wara li allega li qed isofri minn storbju kontinwu minn magni li jinsabu fil-bitħa ta’ wara tal-ħanut, li tinsab eżatt mal-ħajt diviżorju mal-propjetà tiegħu.

Il-protest ġie ppreżentat kontra Jonathan Caruana, sid tal-ħanut Maypole fi Triq Psaila, Birkirkara, Mario Debono, Direttur tal-kumpanija Maypole, u George Portelli,sid tal-binja fejn jinsab il-ħanut. Grech qal li ilhom jgħixu fil-villa għal ħafna snin, f’żona residenzjali kwieta li qabel kienet nieqsa minn attività kummerċjali intensiva.

Madwar 10 snin ilu, infetaħ ħanut tal-Maypole eżatt wara l-propjetà tagħhom. Bħala parti mill-operat, ġew installati apparat għal friġis u friżers. Grech spjega li meta l-ħanut applika għal permess ta’ bini, ġie ppreżentat rapport minn inġinier li rrakkomanda li l-magna titqiegħed fuq in-naħa ta’ quddiem tal-ħanut, fi Triq Psaila, dan biex jiġi evitat impatt fuq il-ġirien.

Minkejja dan, il-magna tpoġġiet fil-bitħa ta’ wara, eżatt maġenb il-kmamar tas-sodda tal-familja Grech. Huwa insista li matul is-snin ippruvaw diversi drabi jilħqu ftehim mal-proprjetarji u s-sidien tal-ħanut biex jiġu evitati l-inkonvenjenzi – inkluż it-talba biex jinbena ħajt ogħla jew jiġi installat insulazzjoni effettiva. Iżda dawn il-miżuri jew ġew miċħuda jew ma ħadmux.

Skont il-protest, il-ħsejjes mill-magna huma partikolarment insopportabbli fis-sajf, meta l-apparat jaħdem b’mod kontinwu, lejl u n-nhar. Dan qed jikkawża tfixkil serju lill-ħajja privata u familjari tagħhom, speċjalment fil-kmamar tas-sodda li jmissu mal-ħajt diviżorju.

Grech talab biex is-sitwazzjoni tiġi rranġata minnufih u wissa li jekk dan ma jsirx, se jieħu passi legali ulterjuri. Il-protest ġie ffirmat mill-avukat Mark Said.