Tliet żgħażagħ Franċiżi ngħataw sentenza sospiża ta’ 18-il xahar wara li ammettew li weġġgħu gravi raġel waqt ġlieda li seħħet fil-post tad-divertiment Gianpula Village, fis-Siġġiewi. David Benjamin Betrand ta’ 21 sena, Hidara Yahya ta’ 22 u Zaccaria Farsaoui ta’ 25 sena tressqu l-Qorti t-Tnejn akkużati li kkaġunaw ġrieħi gravi lill-vittma u li kisru l-paċi pubblika.
L-Ispettur John Sammut spjega li l-Pulizija tas-Siġġiewi ġew infurmati nhar il-Ħadd b’każ ta’ aggressjoni f’Gianpula. Meta waslu fuq il-post, is-sigurtà tal-post kienu diġà żammew lil wieħed mis-suspettati, Yahya, waqt li t-tnejn l-oħra kienu ħarbu minn fuq il-post.
Wara l-interrogazzjoni ta’ Yahya, l-investigaturi żaru l-appartament li kienu jikru t-tlieta u arrestaw lil Betrand u Farsaoui. It-tliet imputati ammettew il-ħtija u nstabu ħatja mill-Qorti. Il-Maġistrat Leonard Caruana kkundanna lit-tliet żgħażagħ għal 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin, u ħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, li deher il-Qorti bil-krozzi minħabba l-ġrieħi.
L-Avukat Miryea Mifsud mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mexxiet il-prosekuzzjoni bl-assistenza tal-Ispetturi James Mallia u John Sammut. Il-prokuratur legali Quentin Tanti assista lil Farsaoui. L-avukati tal-għajnuna legali Sarah Ciliberti u Maria Karlsson assistew lil Betrand u Yahya rispettivament.
//= $special ?>