Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, sostna bla tlaqliq li ‘mhu kuntent xejn’ bl-aġir tal-President tar-Russja Vladimir Putin… Aġir li ħalla lill-istess Trump ‘diżappuntat għall-aħħar’ wara l-isforzi tiegħu biex iwassal għal waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna wara gwerra li ilha għaddejja għal aktar minn tlett snin.
Trump, li, kien qed jiltaqa’ mas-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Mark Rutte, fil-White House, hedded li jintroduċi tariffi sekondarji mill-aktar serji – x’aktarx li ekwivalenti għal mija-fil-mija – fil-konfront tar-Russja f’każ li ma jintlaħaqx ftehim għall-waqfien mill-ġlied (fl-Ukrajna) f’perjodu ta’ 50 jum.
Donald Trump anki deher li qed ibiddel l-attitudni fir-rigward tal-Ukrajna wara l-aħħar xhur ta’ kritika għall-Gvern fi Kiev…Fil-fatt, hu, fl-aħħar sigħat, faħħar lill-Ukreni ‘ li qed ikomplu jirreżistu b’kuraġġ kbir għall-offensiva tal-Armati ta’ Putin.’
Mark Rutte, min-naħa tiegħu, qal li r-Russja, illum, qed tibbumbardja l-ibliet tal-Ukreni mhux biex tilħaq l-għanijiet militari iżda biex tiżra l-paniku u d-dmija fost il-poplu Ukren.
Rutte anki esprima ruħu sodisfatt talli Donald Trump, issa, wasal għad-deċiżjoni biex jgħin lill-Ukrajna tiddefendi ruħha aħjar kontra l-attakki kontinwi …Difiża fuq livell aktar estensiv li se tkun iffinanzjata mill-Ewropa.
L-iżviluppi, intant, huma riflessjoni tas-suċċess tal-aħħar summit tan-NATO, b’Mark Rutte itenni li l-Alleanza tal-Punent qed ‘tqum għall-okkażjoni’.
Mistenni li l-Ukrajna, fil-jiem li ġejjin, għandha tikseb ammonti massiċċi ta’ tagħmir militari u li jibbażaw l-aktar fuq il-kunsinni tal-missili u l-munizzjon….Żvilupp li fi kliem Mark Rutte għandu jfisser ‘aħbar tajba ħafna għall-Ukreni li qegħdin jiġġieldu għas-sovranità ta’ pajjiżhom’.
Sadanittant, id-dikjarazzjoni ta’ Trump li beħsiebu jibgħat il-missili Patriot lill-Ukrajna, intlaqat b’mod pożittiv ħafna mill-Amministrazzjoni fi Kiev.
Fl-istess ħin, il-Gvern Ukren hu xorta waħda kawt dwar ‘x’għandu jistenna mingħand l-Istati Uniti’.
Fl-aħħar sigħat ukoll, Trump tenna li l-Ukreni ‘għandhom ħtieġa ddisprata għall-għajnuna militari’ wara l-aħħar disfatti li sofrew kontra l-militar tar-Russja.
Min-naħa tiegħu, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky qal li kellu taħditiet ‘produttivi’ ma’ Keith Kellogg, ir-Rappreżentant Amerikan għall-Ukrajna, waqt il-laqgħat tallum fi Kiev.
Zelensky, wara, spjega li hu u Kellogg iddiskutew l-aħħar żviluppi tal-gwerra fost ‘it-taħditiet produttivi rigward it-tisħiħ tad-difiżi tal-Ukrajna’.
Is-sistemi Patriot għal difiża kontra l-missili huma fost l-aktar sofistikati u effettivi fid-dinja – bl-Ukrajna qed titlob għal aktar minn dawn is-sistemi biex tilqa’ kontra x-xita tal-missili li qed jinżlu kuljum fuq l-ibliet tagħha.
//= $special ?>