Tmien snin wara li tħabbar, u tliet snin wara li kellu jiftaħ, iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran se jkun qed jiftaħ “sular sular”. Bis-servizzi li dan qed joffri jkunu biss ta’ appuntamenti ta’ MRI, gynaecology u speech therapy.
Lura fl-2017, il-Ministru ta’ dak iż-żmien Chris Fearne kien ħabbar li se jkun qed jitnieda proġett ta’ 40 miljun ewro, fosthom anke b’fondi Ewropej; proġett li kellu jkun mifrux fuq seba’ sulari u li kien jinkludi ċentru tas-saħħa deskritt bħala tal-ogħla livell. Fiċ-ċentru reġjonali kien maħsub li jingħataw 29 servizz fosthom għas-saħħa mentali. Dan filwaqt li kellu jkollu wkoll parkeġġ sostanzjali.
Iżda, f’Settembru tal-2018, it-tender ġie irtirat minħabba nuqqasijiet fl-evalwazzjoni tal-proġett.
F’April tal-2019, il-Ministru Chris Fearne kien mar fil-post sabiex juri li beda x-xogħol f’dan is-sit u ddikjara li dan il-proġett se jkun qed jinfetaħ fi tliet snin u nofs – cioè lejn l-aħħar tas-sena 2022. Tant li f’Jannar tal-2022, Chris Fearne kien iddikjara li sal-aħħar tas-sena, iċ-ċentru reġjonali kellu jilqa’ l-ewwel pazjenti tiegħu.
Iżda, dan il-proġett baqa’ imweħħel. Chris Fearne irreżenja. U Jo Etienne Abela nħatar Ministru minfloku fil-bidu tas-sena 2024.
Fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni tal-MEPs u l-Kunsilli Lokali, il-Ministru Abela flimkien mal-mexxej tiegħu Robert Abela żaru ċ-ċentru u permezz tal-midja tiegħu prova jagħti l-impressjoni li dan il-Hub kien lest u inawgurah.
Iżda fix-xhur ta’ wara l-konsorzju bejn il-Gvern Laburista u Ergon Projects – Technoline, ġie tterminat minħabba dewmien fil-ftuħ tal-proġett. Bil-Ministru jiddikjara li kienu biss “certifications” li kien għad fadal. U li dan il-hub jista’ jinfetaħ.
Għaddew 11-il xahar minn din id-dikjarazzjoni u l-Ministru Abela, permezz ta’ post fuq il-midja soċjali tiegħu ħabbar li mill-14 ta’ Lulju, iċ-ċentru se jibda jopera.
Kien għalhekk li NetNews mar u staqsa lill-ħaddiema li kienu fiċ-ċentru dwar is-servizzi li qed jiġu offruti. Bil-ħaddiema jispjegaw li dan il-bini qed jinfetaħ “sular, sular”, u li wieħed jista’ biss isib appuntamenti għall-gynaecology, speech therapy jew MRI.
Fejn anke spjegaw li s-servizz ta’ emerġenza mhux qed jingħata u lanqas sabiex wieħed jieħu d-demm.
Tmien snin minn meta tħabbar, 3 snin minn meta suppost infetaħ, 40 miljun ewro, 10 miljuni u 300,000 ewro f’finishings u numru ta’ direct orders wara… iċ-ċentru reġjonali tas-saħħa Ċensu Moran qed joffri biss servizzi minimi, u se jkun qed jiftaħ “sular, sular”.
//= $special ?>