Ir-raġel akkużat bl-omiċidju li seħħ fil-Bidnija, għandu storja twila ta’ vjolenza taħt ismu.
Bl-aħħar storja tiegħu iddur ma’ vidjow li qed jiċċirkola fuq il-midja soċjali, u li juri lir-raġel isuq bowser tal-ilma, jidħol f’karozza u jkaxkarha numru ta’ metri – incident li jidher li seħħ f’Jannar li għadda.
Filmat ippublikat mit-Times of Malta wera karozza ta’ lewn aħmar f’nofs tat-triq, b’persuna tidher tagħlaq il-bieba tal-passiġġier. Imbgħad… ftit sekondi wara, jidher bowser tal-ilma, li baqa’ dieħel dritt fil-karozza, u jkaxkaru numru ta’ metri tul it-triq.
Dan l-inċident seħħ lura fl-20 ta’ Jannar ta’ din is-sena, fi Triq it-Turisti San Pawl il-Baħar.
Is-sewwieq kien identifikat bħala Mohammed Hamdan – l-istess raġel li issa jinsab akkużat fil-Qorti, bl-ewwel omiċidju tas-sena 2025, li seħħ fil-Bidnija.
Fil-każ ta’ San Pawl il-Baħar, jidher li s-sewwieq tal-karozza, mar jiġbor lill-kollegi tiegħu, meta bowser tal-ilma, għaffeġ il-karozza tiegħu waqt li kien qed jipprova jipparkjaha.
Skont rapporti, is-sewwieq tal-karozza informa lil Hamdan, li kien qed isuq il-bowser, li se jkun qed jitlaq u għaldaqstant se jkun jista’ jipparkja l-bowser.
Hamdan, allegatament irrisponda b’insulti li eskalaw f’argument fiżiku bejn is-sid tal-karozza u s-sewwieq tal-bowser.
Il-Pulizija kienu informati b’dan l-inċident permezz ta’ telefonata anonima li daħlet fis-7:05 ta’ filgħodu, bir-rapport jindika li l-karozza tkaxkret 15-il metru mill-bowser tal-ilma.
Skont it-Times, rapporti mis-surveyors juru ħsara estensiva fuq in-naħa tax-xellug tal-karozza.
Jidher ukoll, li mal-impatt, ħarġu l-airbags, u kien hemm ħsarat li jammontaw għal kważi 16-il elf ewro. Bil-vittma, għadu qed jistenna li ssir ġustizzja miegħu.
Hamdan, li għandu 46 sena għandu lista twila ta’ reati taħt ismu, u qed ikun akkużat li spara u qatel lil Jean Paul Busuttil, fid-29 ta’ Ġunju ta’ din is-sena.
L-omiċidju seħħ wara ħabta żgħira fi triq rurali bejn il-karozza misjuqa mill-vittma u mutur misjuq minn Hamdan. Fil-Qorti ħareġ li, Hamdan telaq għal xi mumenti mill-post tal-ħabta u rritorna lura b’arma tan-nar, fejn kienu sparati total ta’ 6 tiri. B’numru ta’ tiri jolqtu lil Jean Paul Busuttil. Huwa qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
//= $special ?>