Renald Aquilina, ta’ 29 sena, residenti l-Gżira ġie ikkundannat disa’ xhur ħabs effettivi u sospenzjoni tal-liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ tliet snin wara li ammetta li tajjar mara fix-Xatt ta’ tal-Gżira minn fuq ‘zebra crossing’ u kkaġunalha ġrieħi gravi. L-inċident seħħ fis-16 ta’ Settembru, 2016 għall-ħabta tat-8.15pm.
Aquilina, sewwieq ta’ taxi nstab ħati wkoll ta’ sewqan perikoluż u li ma waqafx għal mara li kienet qed taqsam minn fuq il-lights, u spiċċa biex tajjarha. Il-mara spiċċat mal-art u sofriet ksur f’saqajha kif ukoll ġrieħi oħra serji u skont rapporti mediċi li ppreżentati fil-Qorti, jindikaw li se tibqa’ tbati l-konsegwenzi għal ħajjitha.
Aquilina kien diġà għadda proċeduri fil-Qorti u ngħata sentenza sospiża b’rabta ma’ dan il-każ quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace. Madankollu s-sentenza kienet ġiet annullata minħabba żball u reġgħet instemgħet mill-ġdid mill-ewwel Qorti, iżda minn ġudikant ieħor.
Irriżulta li Aquilina kien qed isuq b’veloċità ta’ 110 kilometru fis-siegħa f’zona residenzjali, u li laqat lil Moira Cauchi li kienet qed taqsam minn fuq zebra crossing. Il-każ seħħ meta Moira Cauchi, mara li dakinhar kellha 50 sena u maniġer tal-bank, kienet qed taqsam minn fuq zebra meta ntlaqtet minn Peugeot misjuq b’veloċità eċċessiva minn Renald Aquilina, li dak iż-żmien kellu 20 sena.
Il-vittma li spiċċat fl-arja, qasmet il-bankina u waqgħet fuq in-naħa l-oħra tat-triq. Sofriet minn ġrieħi gravi u permanenti li bidlu għalkollox ħajjitha. Minħabba l-kundizzjoni tagħha, Cauchi ma setgħetx tixhed fil-Qorti, iżda żewġha xehed minflokha.
Spjega kif martu sofriet minn telf ta’ memorja temporanja, ma setgħetx titkellem sew u kienet qed tagħmel terapija tal-kelma. Ma setgħetx tikteb, u kienet qed titgħallem mill-ġdid kif tiekol u tmur il-kamra tal-banju waħedha.
Minħabba l-konsegwenzi drammatiċi tal-inċident, ma setgħetx terġa’ tmur lura għax-xogħol tagħha bħala maniġer fil-bank, iżda l-bank għamel ftehim magħha biex tokkupa pożizzjoni inferjuri. Xhud li rat kollox iseħħ quddiem għajnejha qalet li rat lill-vittma literallment ittir u li fil-ħin tal-inċident ħafna karozzi kienu wieqfa, b’Aquilina ġej b’veloċità eċċessiva.
Hija qalet li kienet ma’ ħaddieħor fuq il-bus lane u meta rat il-karozza ġejja, mill-ewwel inġibdet lura. Aquilina ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, fosthom li saq b’mod negliġenti, li kkawża ġrieħi gravi, u li naqas milli jieqaf.
Il-Qorti qalet li minkejja li ammetta u rrikonoxxa l-gravità tal-ġrajjiet, fl-ebda ħin ma wera rimors u li l-ammissjoni tiegħu kienet waħda tardiva. Din ma saritx meta tressaq il-Qorti jew fil-bidu tal-kumpilazzjoni u għalhekk tellef ħafna lill-istess Qorti mix-xogħol tagħha.
Il-Qorti qalet ukoll li f’inqas minn tliet snin huwa reġa’ spiċċa jwettaq reat simili. Qabel kien ukoll wettaq reat ta’ feriti ta’ natura gravi volontarja fejn persuna oħra kienet spiċċat weġġgħet gravament f’inċident separat. Dan ma kienx inċident marbut mat-traffiku.
Il-piena ta’ dak ir-reat kienet waħda ta’ proabtion u għaldaqstant dan kollu jindika x’valur għandha l-ħajja umana għal Aquilina. Kien għalhekk, qalet il-Qorti, li f’dawn iċ-ċirkostanzi l-piena kellha tkun ta’ waħda ta’ piena karċerarja effettiva.
Il-mara spiċċat bi ġrieħi gravi f’inċident tat-traffiku li seħħ f’ġurnata b’ħafna moviment f’din iz-zona popolari. Skont il-Pulizija, is-sewwieq ma waqafx kif suppost biex iħalli lill-mara taqsam, u tajjarha b’forza li wasslet biex sofriet ġrieħi gravi.
Ambulanza mill-Isptar Mater Dei waslet fuq il-post immedjatament u ħadet lill-mara għall-kura intensiva. Ir-rapport mediku kkonferma li sofriet ksur u trawma fiżika li kienu jitolbu intervent mediku urġenti.
Huwa ammetta akkużi ta’ sewqan negliġenti u li kkawża ġrieħi gravi lil persuna oħra. Il-Maġistrat Victor Axiak ikkundannah għal disa’ xhur ħabs effettivi u ssospendielu l-liċenzja tas-sewqan għal tliet snin wara li qies iċ-ċirkostanzi kollha tal-inċident.
Filwaqt li l-Qorti kkunsidrat l-ammissjoni tiegħu, enfasizzat ukoll is-serjetà tar-reat u l-konsegwenzi gravi li kellhom fuq il-vittma u l-fedina penali tal-ħati. Meta uffiċjal tal-Pulizija kien mar fuq il-post ftit wara l-inċident kien sab lil mara kienet għadha fuq il-post u li kienet spiċċat fuq il-kareġġata l-oħra tat-triq. Il-vittma kellha żarbuna waħda maqlugħa minn saqajha u li karozza Citroen kienet ukoll intlaqtet mill-karozza tal-ħati.
Il-Qorti semmiet ukoll il-fatt ta’ kif ir-raġel tal-vittma aġixxa f’dan kollu minkejja l-kalvarju li għadda minnu flimkien mal-familja tiegħu. Il-mod kif qatt ma tilef rasu u qatt ma ħalla l-emozzjoni tiġri bih anke fil-konfront tal-ħati.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Lara Butters. L-Avukati Joe Giglio u Jeannine Giglio dehru bħala parte civile fil-każ.
//= $special ?>