Lokali

Ġunju aktar sħun u xemxi jilqa’ s-sajf bl-ewwel mewġa tas-sħana

B’temperatura medja ta’ 26.3°C, Ġunju kien aktar sħun min-norma klimatika ta’ 24.2°CL-ogħla t-temperatura telgħet għal 35.6°C, filwaqt li l-inqas niżlet għal 15.8°CL-ewwel mewġa tas-sħana tas-sena waslet bejn l-24 u s-27 ta’ Ġunju

Ġunju ġab miegħu temp iżjed sħun u xemxi min-norma klimatika u anke l-ewwel mewġa tas-sħana tas-sena lejn tmiem ix-xahar.

Fil-fatt, it-temperatura medja għax-xahar ta’ Ġunju kienet dik ta’ 26.3°C, jiġifieri 2.3°C aktar min-norma klimatika. L-aktar ġurnata sħuna kienet dik tad-9 ta’ Ġunju, meta t-temperatura telgħet għal 35.6°C, filwaqt li l-ewwel tax-xahar ġab miegħu l-aktar lejl kiesaħ hekk kif it-temperatura niżlet sa 15.8°C.

Il-bidu tas-sajf astronomiku kien ukoll ikkaratterizzat mill-ewwel mewġa tas-sħana tal-istaġun, li damet erbat ijiem, jiġifieri bejn l-24 u s-27 ta’ Ġunju. Biex l-Uffiċċju Meteoroloġiku jirreġistra mewġa tas-sħana, it-temperatura medja massima trid tkun 5°C aktar min-norma klimatika tax-xahar (f’dan il-każ 28.8°C) għal aktar minn tlett ijiem konsekuttivi. Fil-fatt, it-temperaturi telgħu għal 34.2°C fl-24 ta’ Ġunju, 35.3°C fil-25, 35°C fis-26 u 35.2°C fis-27 tax-xahar.

Il-baħar ma tantx għen biex wieħed jiffriska hekk kif it-temperatura medja f’wiċċ il-baħar laħqet il-25.1°C, jiġifieri kienet ogħla min-norma klimatika ta’ 22.0°C.

Il-bidu tas-sajf kien ukoll immarkat b’temp iżjed xemxi, b’Ġunju jkejjel 40.2 sigħat xemxin aktar min-norma klimatika. B’kollox, matul ix-xahar, tkejlu 374.3 sigħat xemxin, bin-norma klimatika tkun dik ta’ 334.1 siegħa xemxija. Dan ifisser li l-ġranet ta’ Ġunju raw medja ta’ 12.5 sigħat xemxin, jew 1.3 siegħa xemxija aktar min-norma għal kull ġurnata.

L-aktar jum imdawwal tax-xahar kien it-2 ta’ Ġunju, bix-xemx tiżreġ għal aktar minn 13-il siegħa, filwaqt li l-aktar jum imdallam kien dak tal-20 ta’ Ġunju, hekk kif irċieva biss 8.1 sigħat xemxin. Ġunju esperjenza wkoll inqas kopertura tas-sħab mis-soltu, bil-koperatura medja tas-sħab tkejjel iż-0.6 oktas u dan meta l-medja hija ta’ 1.9 oktas.

Apparti t-temp iżjed sħun u ġranet itwal u sħan, Ġunju baqa’ kważi kompletament xott u dan meta l-kwota tal-preċipitazzjoni għax-xahar hija dik ta’ 5.8 mm.

L-istess ir-riħ. Il-qawwa medja tar-riħ matul ix-xahar li għadda kienet ta’ 5.6 knots, jiġifieri inqas min-norma klimatika ta’ 7.6 knots. L-aktar buffura b’saħħitha nefħet mix-Xlokk il-Lvant fl-4 ta’ Ġunju u laħqet il-qawwa ta’ 22 knots.