Sliema Wanderers issaħħew b’seba’ akkwisti ġodda, tnejn minnhom ta’ plejers internazzjonali Maltin
Id-diżappunt Slimiż fit-tmiem tal-istaġun li għadda, meta b’element ta’ sfortunata ukoll, ma rnexxilhomx jikkwalifikaw għal post fl-Ewropa, bħal qisu żied l-entużjażmu tal-amministrazzjoni biex għall-istaġun il-ġdid, 2025/26, huma jaħdmu fuq skwadra aktar b’saħħitha.
It-tim li se jerġa’ jkun taħt it-tmexxija tal-kowċ bravu Malti, Paul Zammit s’issa għamlu akkwisti meqjusa, b’irtokki interessanti, filwaqt li l-plejers il-ġodda jikkumpensaw għat-tluq ta’ plejers li s’issa kien hemm f’din il-kampanja akkwisti tas-sajf.
S’issa, il-blues għamlu seba’ akkwisti, b’tnejn minnhom ikunu plejers tat-tim nazzjonali Malti. L-ewwel akkwist li ħabbru kien dak tal-iskorer prolifiku ta’ 29 sena, Luke Montebello li wara kważi tliet snin ma’ Ħamrun Spartans, fejn skorja ‘l fuq minn 40 gowl, l-attakkant li hu twil 189 ċentimetri, se jkun il-magna l-ġdida ta’ gowls li kull Slimiż qed jittama li Montebello jkun.

Luke Montebello
L-internazzjonali Malti l-ieħor, li l-Wanderers akkwistaw hu ritorn aktar milli akkwist ġdid. Bejn il-lasti ta’ Sliema Wanderers, wara li kien parti mit-tim ta’ Zammit li fit-tmiem tal-istaġun 2023/24 għen lill-iskwadra tirbaħ l-FA Trophy, se jerġa’ jkun hemm Rashed Al-Tumi. Il-gowlkiper ta’ 24 sena, li hu kważi żewġ metri twil, fl-istaġun li għadda kien parti mit-tim tas-Super Liga tal-Molodva, FC Sheriff Tiraspol.
Akkwist ieħor importanti għal Sliema Wanderers, u li bħal Montebello ġej minn esperjenza minn ma’ Ħamrun Spartans, hu l-midfielder Kroat, Roko Prsa ta’ 29 sena. Għal ħafna l-akkwist ta’ Prsa hu meqjus bħala l-aktar wieħed importanti u ta’ valur li s’issa għamlet l-iskwadra Slimiża, speċjalment meta wieħed iżomm f’moħħu l-valur li dan il-plejer ta fit-tliet snin li għamel jilgħab maċ-champions Ħamrun Spartans.

Roko Prša
L-akkwist ta’ Prsa f’nofs il-grawnd hu kkumplimentat bl-aħħar akkwist li ħabbar il-klabb permezz tal-midja soċjali tiegħu, ċioé dak tal-midfielder offensiv, eks Marsaxlokk u Floriana rispettivament. Fernandinho. Il-Brażiljan se jkun qed jagħlaq 31 sena f’Settembru li ġej.
Fl-attakk, apparti l-attakkant Montebello, Sliema Wanderers issaħħew bl-akkwist tal-iskorer prolifiku li staġun ilu skorja 20 gowl ma’ Żurrieq fiċ-Challenge League, Mamadu Bah.
L-akkwist tal-Amerikan ta’ 24 sena jista’ jitqis bħala wieħed interessanti, u li se jkun qed inissel kurżitá biex wieħed jara jekk dak li għamel Bah fit-tieni livell ta’ futbol Malti, huwiex kapaċi jagħmlu ukoll fil-Malta Premier.
Akkwisti oħra li diġa’ ħabbru Sliema Wanderers huma dak tal-left back, Thiaguinho li wara erba’ snin ma’ Gżira United, ta’ 32 sena se jibda esperjenza ġdida mas-Slimiżi.
Il-Brażiljan m’huwiex l-uniku wieħed li Sliema Wanderers akkwistaw minn dan il-pajjiż f’din il-kampanja akkwisti. Apparti l-isem ta’ Fernandinho ukoll, it-tielet isem hu dak tal-midfielder difensiv, Miguel Baggio li f’Settembru se jkun qed jagħlaq 26 sena.

Fernandinho
Baggio hu plejer versatili għall-aħħar li kapaċi jilgħab f’aktar rwoli ċentrali tal-pitch, kemm fid-difiża kif ukoll fl-attakk. Għal dan il-plejer, l-esperjenza l-ġdida tiegħu ma’ Sliema Wanderers se tkun l-ewwel waħda tiegħu fl-Ewropa.
Mill-istaġun li għadda, s’issa Sliema Wanderers tilfu żewġ plejers; it-tnejn li huma meqjusa ta’ valur. L-akbar telfa hi dik ta’ Geoffrey Acheampong li ssieħeb ma’ Birkirkara u l-attakkant Ukren, Maksym Pryadun li se jkun qed jilgħab fil-Premier League Kambodjan.
//= $special ?>