Il-Gvern illum qed jammetti li ħoloq kriżi fl-iskart. Din il-kriżi ma tissolviex b’miżuri bil-biċċiet jew b’soluzzjoni one-size-fits-all.
Kull lokalità għandha bżonnijiet differenti u għandu jkollha sistema tal-immaniġġjar tal-iskart skont ir-realtajiet tagħha.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika Eve Borg Bonello, flimkien mas-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat u s-Sindku tal-Imsida Charles Selvaggi qalu li din il-kriżi ma tistax tissolva b’miżuri ta’ kafkaf immirati biss lejn lokalitajiet turistiċi – kif għadu kif ħabbar is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield – u jeħtieġ li kull lokalità tagħmel eżerċizzju biex tidentifika dawk li huma l-bżonnijiet tagħha biex b’hekk tkun tista tfassal sistema ta’ immaniġġjar tal-iskart ibbażata fuq ir-realtajiet tagħha.
Il-boroż taż-żibel mitfugħa fit-toroq f’kull ħin tal-ġurnata, boroż maħruġin mhux skont l-iskeda, skart imħallat fil-borża s-sewda, u skart mormi bl-addoċċ huma inkonvejnent li qed idejjaq lil ħafna residenti f’lokalitajiet differenti.
Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li din mhix problema li tfaċċat ilbieraħ. Fl-2017 meta l-Gvern preżenta r-Riforma dwar il-Kunsilli Lokali li kienet tinkludi ukoll il-proposta li l-ġbir tal-iskart jitneħħa minn idejn il-Kunsilli u jiġi mgħoddi f’idejn il-Kunsilli Reġjonali, il-Partit Nazzjonalistsa kien wissa li din is-sistema kienet se tfalli. Illum ix-xeni li naraw fuq il-bankini u fit-toroq tagħna jikkonfermaw dan. U issa anke l-membri tal-Gvern qed jammettu li għamlu żball.
Minkejja dan kollu, il-Gvern qed ikompli juri lil kulħadd li la għandu s-soluzzjonijiet għall-kriżi li ħoloq hu stess u lanqas ir-rieda politika.
Minn żmien għal żmien joħroġ b’xi proposta bħalma għamel din il-ġimgħa Glenn Bedingfield meta qal li se jibgħat uffiċjali f’postijiet turistiċi. Miżuri bil-biċċiet bħal din ma jsolvu assolutament xejn.
Il-Gvern neżża’ lill-kunsilli lokali mis-saħħa li jimmaniġġjaw huma l-iskart skont il-bżonnijiet tagħhom, nixxfilhom ir-riżorsi u sploda lil pajjiżna b’popolazzjoni li pajjiżna u l-lokalitijiet tagħna mhux dejjem jifilħu għaliha.
Imma bħal f’kull qasam, anke fl-iskart, il-Gvern ma kellu l-ebda pjan biex ilaħħaq ma’ din iż-żieda. Ir-riżultat ta’ dan kollu hu pajjiż ferm aktar maħmuġ, intejjen ħerġin minn boroż tal-iskart, wirdien u saħansitra firien f’xi toroq residenzjali.
Il-falliment tal-Gvern fil-qasam tal-iskart kien ikkonfermat din il-ġimgħa stess meta kien irrappurtat li l-Gvern naqas milli jilħaq il-miri tiegħu stess fir-riċiklaġġ. Dan ifisser li l-Gvern se jkompli jitfa’ aktar skart fil-landfills tagħna milli kien ippjana hu stess.
Is-soluzzjonijiet ma jaqgħux mis-sema. Irid ikun hemm studju u ppjanar biex toħroġ b’soluzzjonijiet li jaħdmu. Huwa għalhekk li l-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista ressqu Mozzjonijiet biex isiru studji ta’ carrying capacity fil-lokalitajiet. Għax ippjanar serju hekk jitlob.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jappella lill-Gvern biex jieħu din il-problema bis-serjetà.
Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jagħti lill-kunsilli lokali r-riżorsi meħtieġa u l-poter li jimmaniġġjaw huma, skont il-bżonn tal-lokalità, l-iskart fil-belt jew raħal tagħhom.
//= $special ?>