Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman li l-ġeoloġi jkunu parti mill-konsultazzjoni fil-kostruzzjoni

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport tal-Ombudsman li jikkonferma dak li ilha tinsisti fuqu l-Oppożizzjoni Nazzjonalista sabiex il-Kamra tal-Ġeoloġi tkun membru permanenti fil-Kunsill Konsultattiv tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCCC).

Sostna dan fi stqarrija, ix- Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet, Stanley Zammit fejn qal kif, Dan huwa pass ieħor importanti favur aktar trasparenza, kompetenza professjonali u sigurtà pubblika fl-industrija tal-kostruzzjoni; valuri li l-Gvern preżenti sparixxa għal kollox.

Ix-Shadow Minister, kompla jgħid li l-Ombudsman ta raġun lil Partit Nazzjonalista u stqarr bla tlaqliq li l-Ministru Jonathan Attard għandu jagħti lil dawn il-professjonisti l-ispazju dovut lilhom fil-konsultazzjoni fuq proċessi ta’ regolamentazzjoni u riskji strutturali. F’każ li l-Gvern jonqos li jagħmel dan, l-Ombudsman jista’ jirreferi l-każ quddiem il-Parlament.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq li:

  • Il-ġeoloġi għandhom ikunu formalment rikonoxxuti permezz ta’ warrant mill-Istat;
  • Il-Kamra tal-Ġeoloġi għandha tiġi inkluża bħala membru permanenti fil-BCCC u mhux suġġetta għal skossi politiċi jew deċiżjonijiet arbitrarji;
  • F’pajjiżna għandu jiġi stabbilit servizz nazzjonali tal-ġeoloġija, kif hemm f’pajjiżi Ewropej. Dan jinkludi mapep ġeoloġiċi aġġornati u assessjar ta’ riskji;

Dawn il-miżuri huma essenzjali biex jiġu evitati inċidenti fatali. It-traġedja tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia suppost għallmitna ħafna.  

Dan kollu huwa bbażat fuq il-prinċipju ċar li – ma tistax titħalla f’idejn il-kompromessi politiċi jew il-fortuna, iżda għandha tiġi mibnija fuq kompetenza u xjenza. Il-ġeoloġi mhumiex sempliċement persuni b’ċertifikat. Huma parti essenzjali fi proċess ta’ ppjanar serju u kostruzzjoni kif suppost.

Il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ konsistenti, soda u bbażata fuq sens ta’ responsabbiltà nazzjonali u jrid jara li nirrikonoxxu, ninkludu u nsaħħu lill-professjonisti sabiex is-sistema tkun waħda tassew sħiħa u li taħdem għall-ġid komuni.

Għaldaqstant qed jappella biex mingħajr tkaxkir tas-saqajn, il-Gvern jilqa’ minnufih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman, tal-Inkjesta Sofia u tal-istess professjonisti fis-settur, u jieħu azzjoni konkreta biex is-sigurtà fl-industrija tal-kostruzzjoni tiġi assigurata b’mod sostenibbli u serju.

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jsegwi l-iżviluppi ta’ dan il-każ mill-qrib, u se jkun qed jara jekk il-Ministru Jonathan Attard hux se jieħu r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman, u l-parir ta’ kull min jimpurtah mill-ħajja umana billi jara li jagħmel dak kollu possibbli biex il-qasam tal-kostruzzjoni jkollu l-aqwa salvagwardji għall-ħajjiet tan-nies.

Partit Nazzjonalista fil-Gvern hu kommess li jwettaq f’dan il-qasam b’mod sħiħ, bi kwalità u fil-ħin dak kollu li Gvern Laburista naqas milli jagħmel jew li għamel b’nofs kedda fl-aħħar snin.