Ġiet inawgurata esebizzjoni fid-Dar Ċentrali tal-PN bl-isem “Europe: 12 Maps, 1 Project”.
Din il-wirja tinkorpora fiha, 12-il mappa minn epoki differenti li turi kif evolva l-kontinent – ċioè, l-identità tagħna li hija msejsa fuq il-ġeografija.
L-Ambaxxatur Spanjol għal Malta, Josè Maria Muriel inawgura din l-esebizzjoni, bl-għan li permezz ta’ dawn il-mapep ikun imfakkar kif il-konfini nbidlu – kif popli ngħaqdu u oħrajn infirdu.
Preżenti waqt l-inawgurazzjoni ta’ din l-istess esebizzjoni, kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, li tenna li l-Partit Nazzjonalista jemmen fil-qawwa ta’ dawn il-mumenti kulturali li jfakkruna mhux biss minn fejn ġejna, iżda wkoll fejn irridu mmorru.
Bernard Grech qal li l-mappa, f’dan il-kuntest, mhix biss għodda ġeografika. Hija storja. Hija politika. Hija xhieda. U hija tifkira ta’ konfini li nbidlu.
Il-mappa timmarka wkoll popli li ġew flimkien u oħrajn li tbiegħdu; u f’xi każ anke alleanzi u ta’ kunflitti.
Il-Kap tal-PN irringrazzja lill-Ambaxxata Spanjola u lis-Segretarju Internazzjonali tal-PN Beppe Galea talli għamlu din il-wirja possibbli.
Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, ix-Shadow Minister Beppe Fenech Adami u s-Segretarju Eżekuttiv Organizzativ Stefan Caruana.
