minn Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon
u Il-Mument
Meta f’Malta kienet għaddejja l-kampanja tar-Referendum għad-dħul fl-Unjoni Ewropea, il-Partit Laburista u l-Ġeneral Workers’ Union kienu għaddejjin bi propaganda qalila kontra din is-sħubija. Tul dik il-kampanja, wieħed mis-slogans favoriti tagħhom kien li jekk nidħlu l-Ewopej kienu se jinvadu lil pajjiżna.
Issa għadda żmien biżżejjed biex wieħed ipoġġi dak li kienu jsostnu tal-Labour għat-test taż-żmien u, allura, m’hemmx aħjar milli tara tabilħaqq x’ġara fl-ewwel 20 sena tas-sħubija – bejn l-2004 u l-2023 – u tipparaguna – dejjem like with like – l-ewwel 10 snin mat-tieni għaxar snin, anki għaliex f’dan il-perjodu bejn wieħed u ieħor kellna tmexxija kważi ndaqs bejn Gvern tal-PN u Gvern tal-Labour.
■ L-ewwel osservazzjoni bilfors trid tkun waħda ġenerali, jiġifieri kemm żdiedet il-popolazzjoni taħt iż-żewġ gvernijiet. Hawnhekk insibu li bejn l-2004, meta Malta ssieħbet fl-UE, u l-2013, jiġifieri fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista, il-popolazzjoni żdiedet minn 402,668 għal 425,384 – żieda ta’ 22,716.
■ Fl-10 snin ta’ wara, bejn l-2014 u l-2023, meta Malta kienet qed titmexxa minn Gvern Laburista, il-popolazzjoni żdiedet minn 429,344 għal 563,443 – żieda ta’ 134,099.
■ Meta wieħed jieħu dawn iċ-ċifri u joħroġ medja ta’ kemm kienet iż-żieda kull sena, isib li taħt Gvern tal-PN, il-medja kienet ta’ 2,270 fis-sena waqt li taħt il-Labour iż-żieda medja kienet ta’ 13,400 fis-sena… qabża astronomika. U fil-biċċa l-kbira tagħha, din iż-żieda ċertament ma kinetx ġejja minn persuni mill-UE!
■ Mingħajr l-iċken dubju, u skont iċ-ċifri uffiċjali, dawn ir-riżultati poġġew lil Malta fl-ewwel post tal-pajjiżi membri tal-UE għal dik li hi żieda perċentwali fil-popolazzjoni fl-aħħar 10 snin.
Statistika tal-Unjoni Ewropea turi wkoll li wara dawn l-iżviluppi li seħħew fil-popolazzjoni, ir-rata ta’ nisa fil-pajjiż meta mqabbla ma’ dik tal-irġiel niżlet minn 101.9 għal kull 100 raġel, għal 88.6 mara għal kull 100 raġel.
Naturalment dan seħħ għaliex fil-maġġoranza tagħha, iż-żieda fil-popolazzjoni kienet magħmula minn irġiel li ġew biex jippruvaw isibu xogħol hawnhekk.
■ Meta wieħed jifli dak li seħħ sena b’sena f’dawn l-20 sena, isib li waqt li fi żmien Gvern tal-PN iż-żieda fil-popolazzjoni kienet waħda moderata u gradwali, fl-10 snin ta’ Gvern tal-Labour tista’ tgħid li ż-żieda kbira bdiet mill-2015 u baqgħet dejjem iżżid ħlief fl-2020 u l-2021, minħabba l-Covid, iżda malajr issukktat fis-snin ta’ wara. Jiġifieri wieħed jista’ jgħid li kieku ma kinetx il-Covid iż-żieda kienet tkun, saħansitra, sostanzjalment akbar.
Kollox kunsidrat biex wieħed jirrealizza b’mod sħiħ u komplet l-effett tat-tmexxija ta’ pajjiżna mil-Labour f’dan il-qasam partikulari, biżżejjed inżommu f’moħħna li f’dawn l-aħħar 10 snin, iż-żieda fil-popolazzjoni ta’ pajjiżna kienet sitt darbiet aktar minn dik tal-10 snin ta’ qabel.
Dawn mhumiex opinjonijiet iżda fatti.
Ir-raġuni tal-‘isplużjoni’ ma kinetx l-UE

Il-Jum Dinji tal-Popolazzjoni
In-Nazzjonijiet Uniti kienet iddeċidiet li kull sena, fil-11 ta’ Lulju, jitfakkar il-Jum Dinji tal-Popolazzjoni.
L-ewwel darba li dan il-jum kien osservat kien proprju fil-11 ta’ Lulju 1990 – 35 sena ilu – u f’dik l-ewwel edizzjoni kien hemm 90 pajjiż parteċipant, fosthom Malta.
L-iskop ta’ dan il-jum hu biex kulħadd jiffoka aktar fuq dak kollu li għandu x’jaqsam mal-popolazzjoni fosthom problemi konnessi bħal tkabbir esaġerat, jew inqas minn dak meħtieġ. Din is-sena t-tema hi dwar il-fertilità li jidher li globalment qed tonqos.
F’dan il-jum, f’Malta u f’pajjiżi oħra tal-UE, jingħataw iċ-ċifri tal-popolazzjoni kif kienu fl-aħħar tas-sena ta’ qabel.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 15 ta’ Lulju, 2025.
//= $special ?>