Lokali Parlament

Ir-residenti tal-Magħtab għandhom dritt igawdu l-propjetà tagħhom u jkollhom kwalità ta’ ħajja

Albert Buttigieg, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg qal fl-Aġġornament tal-Parlament li r-residenti tal-Magħtab għandhom dritt li mhux biss igawdu l-propjetà tagħhom imma li jkollhom kwalità ta’ ħajja. In-nuqqas ta’ kwalità ta’ ħajja qed iwassal għal diversi esperjenzi ta’ nuqqas ta’ saħħa mentali.

Hu qal li qed iwassal l-ilmenti u d-diffikultajiet ta’ diversi residenti li jgħixu fil-madwar tal-Magħtab. Dawn ir-residenti qiegħdin ibatu nuqqas ta’ saħħa u nuqqas ta’ kwalità tal-ħajja minħabba xogħol illegli li qiegħed iseħħ fl-impjant tal-Magħtab Construction. Għal din l-aħħar sena, dan l-impjant qiegħed b’mod abbużiv u illegali jkisser ġebel fit-trab b’tali mod li l-kwalità tal-arja hija kollha trab.

Dan qed iwassal biex diversi residenti mhux biss donnhom qiegħdin jgħixu f’deżert imma ma jistgħux joqogħdu fil-btieħi jew ġonna tagħhom minħabba t-trab fin f’arja.

Fid-29 ta’ Novembru 2024 l-ERA ħarġet avviz ta’ infurzar u biex jieqfu dawn ix-xogħlijiet iżda dan għadu għaddej. Dan l-aħħar ukoll tkellem b’mod pubbliku Edward Mercieca fejn stqarr pubblikament li bħala residenti fil-Magħtab huwa u l-familja tiegħu qegħdin ibatu nuqqas ta’ saħħa.

Hu qal li għal darba’oħra huma r-residenti li jbatu. Ftit tax-xhur ilu, wara l-inkjesta ta’ mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia, il-Prim Ministru Robert Abela qal li żmien tal-cowboys spiċċa.

Jidher li dan mhuwiex il-każ. Jidher li dan tal-Magħtab Construction għandu l-arja u forsi l-protezzjoni li jkompli jagħmel li jrid. Dan mhuwiex l-unika cowboy li għandha.

Albert Buttigieg qal li hemm min jgħid li issa li nħarġet enforcment notice, is-sid qiegħed ukoll iħallas multa kuljum u hemm appell u talba biex jiġi legali.

Din hi propju l-ħadma. Il-Gvern biex isodd ħalq ir-residenti joħorġ, wara ħafna tqansiħ, enforcment notice imma ma jagħmel xejn bl-iskuża li hemm appell. B’hekk kollox jibqa’ kif inhu u l-cowboy jibqa’ għaddej. Jidher ċar li din hija l-logħba li jilgħab il-Gvern

Hu tkellem dwar kemm hemm enforcement notices f’San Giljan u Tas-Sliema u kemm ilhom li dawn inħarġu. Jidher li hemm numru ta’ enforcement notices u xi wħud minnhom ilhom maħruġa mill-2013.

Dan ifisser li għal 12-il sena hemm enforcment notices biex jieqfu l-attivitajiet illegali u wara 12-il sena baqa’ kollox kif inhu.

Dan l-aħħar il-Gvern qal li se jnaqqas il-perjodu tal-appelli meta jkun hemm applikazzjoni ta’ zvilupp u qal li ser jagħmel dan biex inaqqas il-burokrazija.

Bl-istess loġika, wasal iż-żmien li l-enforcement notices u l-appelli marbuta magħhom ikollhom żmien dwar meta se jinqatgħu u mhux jibqgħu għal dejjem miftuħa. B’hekk kulħadd jaf li hemm bidu u tmien għal dawn l-enforcements notices.

Albert Buttigieg qal li r-residenti tal-Magħtab għandhom dritt li mhux biss igawdu l-propjetà tagħhom imma li jkollhom kwalità ta’ ħajja. In-nuqqas ta’ kwalità ta’ ħajja qed iwassal għal diversi esperjenzi ta’ nuqqas ta’ saħħa mentali. Wara kulħadd għaref. Kollu dmugħ tal-kukkudrilli.

Is-sid tal-Magħtab Constuction irid jifhem li għalkemm huwa qiegħed fin-negozju imma għandu responsabbiltà mhux biss lejn ir-residenti tal-madwar u s-saħħa tagħhom imma anke li josserva l-liġijiet tal-pajjiż. Il-flus huma importanti imma daqstant ieħor huwa importanti l-kif tagħmel il-flus u n-negozju.

Min-naħa l-oħra, għal darb’oħra l-Gvern għandu jkun gvern ta’ kulħadd u mhux tal-ftit. Meta l-Gvern ipaxxi l-ftit, jispiċċa jonqos lil ħafna, sostna d-deputat Nazzjonalista.