Ambjent Lokali

It-tielet bejta tal-fkieren fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra

Din hija l-ħames bejta għal dan is-sajf – it-tielet bejta fir-Ramla l-Ħamra, u t-tielet waħda tal-fekruna Johanna

Jirriżulta li l-bajjiet ta’ pajjiżna, għal sena oħra, qed jergħu joffru kenn importanti għall-fkieren. Dan hekk kif ġiet ikkonfermata l-ħames bejta tal-fkieren għal dan is-sajf. U t-tielet waħda fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra, f’Għawdex.

Voluntieri tan-Nature Trust lemħu l-fekruna għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu waqt li kienu qed jagħmlu r-ronda ħdejn iz-zona tal-bejtiet.

L-ERA u n-Nature Trust marru immedjatament fil-post biex jipproteġu l-fekruna.

Wara li lestiet il-bejta, il-voluntieri kkonfermaw li din il-fekruna hi Johanna; dan sar permezz ta’ microchip. U kien ikkonfermat ukoll li din hija t-tielet bejta tagħha dan l-istaġun.

S’issa instabu 3 bejtiet fir-Ramla l-Ħamra, f’Għawdex, bejta oħra fil-Bajja tal-Għadira, u oħra fil-Ġnejna.

Numru ta’ voluntieri minn Nature Trust jinsabu għassa 24 siegħa kuljum, bil-għan li dawn il-bejtiet jibqgħu siguri mingħajr ħafna storbju.

Il-bajd tal-fkieren normalment jieħu bejn 50 u 60 ġurnata biex ifaqqas, u bejn wieħed u ieħor il-bejta tkun b’fond ta’ bejn 30 u 45cm.

Kull bejta jaf tfaqqas sa mitt bajda u t-temperatura tal-bejta tiddetermina jekk ifaqsux fkieren nisa jew irġiel. Għal fkieren loggerhead li huma r-razza li normalment ibejtu f’Malta f’temperatura ‘l fuq minn 29 grad, tipproduċi fkieren nisa u waħda inqas minn 29 grad tipproduċi fkieren irġiel.