Lokali Qorti

Jammetti li beżaq fuq diversi persuni u weġġa’ uffiċjal tal-Pulizija

Żagħżugħ Svizzeru ta’ 19-il sena li kien qiegħed Malta għall-vaganzi ġie kkundannat sentenza ta’ ħabs sospiża u mmultat wara li ammetta għal diversi akkużi fosthom li beżaq fuq persuni li kienu għaddejjin mit-triq irreżista l-arrest, u weġġa’ ħafif uffiċjal tal-Pulizija waqt inċident f’Gżira.

L-inċident seħħ fil-5:15am tat-14 ta’ Lulju, meta l-Pulizija marru fuq il-post wara ilmenti dwar storbju fil-lokal. Meta waslu, l-uffiċjali sabu kaos u lemħu lil Simon lion Rimon Tesfamariam fuq gallarija jbeżaq fuq nies li kienu għaddejjin minn taħt.

Meta l-Pulizija avviċinawh u ordnawlu biex jieqaf, irreżista, u beda jgħajjat f’wiċċ l-uffiċjali, u waqt li kienu qed jaqbduh u jimmanettjawh, laqat wieħed mill-pulizija, li sofra ġrieħi ħfief.

Barra minn hekk, ġie wkoll akkużat li kiser il-paċi pubblika. Quddiem il-Qorti, l-akkużat qal li ma kienx jaf l-indirizz fejn kien qed joqgħod f’Malta, u wieġeb ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih. Il-Maġistrat Elaine Rizzo wissietu dwar is-serjetà ta’ dawn l-imġibiet, u fakkritu li dan it-tip ta’ reat jista’ jwassal għal piena ta’ priġunerija kemm f’Malta kif ukoll f’pajjiżi oħra.

Wara li l-Qorti ikkonfermat il-ħtija tiegħu, l-Qorti preeduta mill-Maġistrat Elaine rizzo kkundannatu għal disa’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn u mmultatu €1,200. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Michael Vella filwaqt li għall-akkużat dehret l-avukat Sara Ġiliberti.