Kien Net News li żvela kif iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran se jkun qed jiftaħ “sular sular”. Bis-servizzi li dan qed joffri jkunu biss ta’ appuntamenti għal MRI, gynaecology u speech therapy.
U lbieraħ, anke l-Ministru nnifsu stqarr ma’ dan l-istazzjon li l-Hub Reġjonali se jiftaħ “ġimgħa ġimgħa”.
Lura fl-2017, il-Ministru ta’ dak iż-żmien Chris Fearne kien ħabbar li se jkun qed jitnieda proġett ta’ €40 miljun, b’fondi Ewropej; proġett li kellu jkun mifrux fuq seba’ sulari u li kien jinkludi ċentru tas-saħħa deskritt bħala tal-ogħla livell. Fiċ-ċentru reġjonali kien maħsub li jingħataw 29 servizz fosthom għas-saħħa mentali.
Iżda, f’Settembru tal-2018, it-tender ġie irtirat minħabba nuqqasijiet fl-evalwazzjoni tal-proġett.
F’April tal-2019, il-Ministru Chris Fearne kien mar fil-post sabiex juri li beda x-xogħol f’dan is-sit u ddikjara li dan il-proġett se jkun qed jinfetaħ fi żmien tliet snin u nofs – cioè lejn l-aħħar tas-sena 2022. Tant li f’Jannar tal-2022, Chris Fearne kien iddikjara li sal-aħħar tas-sena, iċ-ċentru reġjonali kellu jilqa’ l-ewwel pazjenti tiegħu.
Iżda, dan il-proġett baqa’ mweħħel. Chris Fearne irreżenja. U Jo Etienne Abela nħatar Ministru minfloku fil-bidu tas-sena 2024.
Fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni tal-MEPs u l-Kunsilli Lokali, il-Ministru Abela flimkien mal-mexxej tiegħu Robert Abela żaru ċ-ċentru u permezz tal-midja tiegħu prova jagħti l-impressjoni li dan il-Hub kien lest u inawgurah.
Fir-realtà, kellha tgħaddi sena sħiħa. U xorta waħda, iċ-Ċentru Censu Moran għadu mhux qed jopera kif suppost.
//= $special ?>