Lokali

Konferma mill-Ombudsman li l-Ministru għandu jaċċetta t-talba tal-Kamra tal-Ġoeloġi

Il-Ministru Jonathan Attard mhux marbut bid-deċiżjoni tal-BCA li ma jinkludux lill-Kamra tal-Ġeoloġi fil-Kunsill Konsultativ tal-Bini u l-Kostruzzjoni. Anzi, il-liġi tagħtih is-setgħa li jżid entitajiet oħra fil-BCCC.

Dan jirriżulta mir-rapport tal-Kummissarju tal-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman, fejn saret ukoll rakkomandazzjoni lill-Ministru Attard  biex jaċċetta lill-Kamra tal-Ġeoloġi fil-Kunsill Konsultattiv fi żmien xahar. U jekk il-Ministru jonqos milli jsegwi r-rakkomadazzjonijiet, l-Ombudsan għandu dritt li jippreżenta dan ir-rapport fil-Parlament.

Dan ir-rapport ġie ppublikat wara talba li saret minn din l-istess Kamra tal-Ġeoloġi hekk kif il-BCA kienet ċaħdet l-applikazzjoni biex il-Kamra ssir membru tal-Kunsill Konsultattiv tal-Bini u l-Kostruzzjoni, li  fil-preżent hu magħmul minn partijiet interessati fl-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni, inkluż kuntratturi, professjonisti, żviluppaturi u istituzjonijiet li flimkien jagħtu l-pariri lil BCA.

U għalhekk l-esklużjoni tal-ġeoloġi, li huma professjonisti, tifisser li persuni li mhux esperti fil-ġoeloġija qed jieħdu d-deċiżjonijiet huma meta mhux kompitenti biex jagħmlu dan.

Din is-sitwazzjoni ġabet magħha konsegwenzi perikolużi għas-sigurtà pubblika, kif rajna fi snin riċenti.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Ġeoloġi spjegat li l-Ombudsman ikkonferma b’mod ċar li l-ġoeloġi huma essenzjali fl-industrija tal-kostruzzjoni, filwaqt li għamlu referenza wkoll għall-Inkjesa ta’ Jean Paul Sofia, li titfa’ dawl fuq ir-rwol kruċjali tal-ġeoloġi fis-settur tal-kostruzzjoni.

Mhux hekk biss, iżda, ir-rapport tal-Ombudsman jirrifjuta l-kunċett li l-Kamra tal-Ġoeloġi tkun biss parti mill-Kunsill Konsultattiv fuq bażi każwali; imma jgħid li din il-Kamra għandha tingħata sħubija sħiħa fil-Kunsill mingħajr dewmien.

Intant, il-Kamra tal-Ġoeloġi qalet li temmen li l-mentalità tal-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni għandha bżonn li tinbidel u ssir tixbaħ aktar il-mentalità Ewropea; bi standards li jinkludu lill-ġeoloġi.