Kultura Lokali

L-Imxajtna: Ir-raba’ ktieb ta’ stejjer tal-biża’ ta’ Joseph A. Cachia

29 storja tal-biża’ fi tliet kotba pubblikazzjoni tal-BDL

minn Alex Attard

Joseph A Cachia, il-kittieb tal-istejjer tal-biża’, għadu kif ippubblika ‘L-Imxajtna’, it-tielet ktieb tiegħu ta’ dan il-ġeneru. 

L-awtur mhux isem ġdid fil-kitba għax matul il-karriera tiegħu, minbarra kotba, kiteb ukoll għat-televiżjoni, għar-radju u wkoll għal magazines.

Fis-Snin Disgħin għal xi żmien serva wkoll bħala editur ta’ In-Nazzjon.  Dan il-ġurnal ħa din l-okkażjoni biex għamillu intervista bl-iskop li nsiru nafu aktar dwaru u dwar kitbietu.

Naturalment ma setax jonqos li l-ewwel li ridna nkunu nafu hu għaliex jikteb dawn l-istejjer tal-biża’. L-awtur ma tantx dam jaħsibha wisq biex jagħtina risposta.

“Faċli. Għax inħobb l-istejjer tal-biża’, kemm jekk ikunu miktuba kif ukoll jekk f’films,” qalilna. Kompla jgħidilna li minn dejjem kien miġbud lejhom. Isemmi li meta kellu 10 snin mar jara l-film ‘Dracula’ bi Christopher Lee u Peter Cushing fl-1958 fil-Buckingham Theatre f’Ħaż-Żabbar fejn twieled. 

“Naħseb li mhux suppost ħallewni nidħol fiċ-cinema dakinhar għax kelli biss 10 snin. Imma żgiċċajt ġewwa u rajt biss nofsu għax bżajt u ħriġt mit-teatru fl-intermission.”

Madankollu anki jekk ma rax il-film sħiħ, l-interess tiegħu fl-istejjer tal-biża’ kompla jikber fih. Tant hu hekk li meta beda jattendi l-Iskola Secondarja Teknika ta’ San Ġużepp f’Raħal Ġdid l-ewwel ktieb li ssellef mil-librerija ta’ hemmhekk kien dak ta’ Edgar Allan Poe, it-‘Tales of Mystery and Imagination’, ġabra klassika ta’ stejjer tal-biża’ li għadhom moqrija sal-lum, aktar minn 180 sena wara li kienu stampati għall-ewwel darba.

“Niftakar li waqt li sħabi tal-klassi kienu jilagħbu l-ballun kont fuq bank naqra għall-ewwel darba ‘The Murders in the Rue Morgue’, ‘The Black Cat’ u l-kumplament. Min jagħtini tort li jekk wara dawn l-hors d’oeuvre minn surmast ta’ din il-kitba ma mmurx għal aktar platti misterjużi maħluqa minn, fost l-oħrajn, Sir Arthur Canon Doyle b’Hound of the Baskervilles u Frankenstein ta’ Mary Wollstonecraft Shelley?” kompla jgħidilna Cachia.

Issa f’idejna għandna l-aktar volum riċenti tiegħu, ‘L-Imxajtna’, li bħaż-żewġ kotba tal-biża’ l-oħra tal-kittieb huma pubblikati mill-BDL. Dan il-ktieb fih disa’ stejjer li skont il-kittieb għandhom iħalluk tistaqsi lilek innifsek jekk dak li taqra fihom setgħux seħħew tassew.

F’xi stejjer fil-ktieb ta’ 304 paġni hemm il-mistoqsija jekk bejn il-ħajjin u l-mejtin hemmx xi rabta li tista’ tressaqhom it-tnejn flimkien. Il-ħaj għandu mnejn jiltaqa’ mal-mejjet … jew dak li taparsi mejjet. U l-ispirti, it-tajbin u l-ħżiena, kif jaffettwaw lil dawk li ħajjithom għexuha qisu ma hemm xejn wara li jagħlqu għajnejhom fil-mewt?

Tassew interessanti f’dan il-ktieb hu l-mod ta’ kif Cachia għaqqad flimkien storja ta’ tfajla invażata mix-xitan fi żmien il-Gran Mastru Pinto.

“Il-Kavallieri ta’ San Ġwann taħsbux li kienu xi qaddisin jimxu fuq l-art,” spjega Cachia. “Kien hemm minnhom li aktar kien moħħhom fix-xitan biex jaqilgħu dak li riedu milli joqogħdu għarkupptejhom u jitolbu quddiem il-qaddis li ħalfu li jiġġieldu lill-għedewwa f’ismu.”

Ta’ min ifakkar li Joseph A Cachia kiteb l-ewwel stejjer tal-biża’ mhux biex ikunu pubblikazzjoni fi ktieb imma biex jintwerew fuq it-televiżjoni, appuntu fuq Net TV. Dan kien 24 sena ilu meta kiteb l-ewwel sensiela ta’ ‘Fenomeni’ li kienet dehret fl-2001, l-ewwel kitba tiegħu għal fuq it-TV b’suġġett sopranaturali. L-idea bażika tas-sensiela kienu tawhielu Marica u Fabian Mizzi tal-kumpanija Image 2000. Fl-ewwel żewġ kotba tiegħu, ‘Id-Deffien taċ-Ċimiterju’ u ‘Ara Ġejja l-Mewt Għalik’, hemm xi stejjer minn Fenomeni li adattahom għal novella.

Ta’ min ikun jaf li l-isem ta’ Joseph A Cachia mhux isem ġdid għall-qarrejja tal-ġurnali tal-Istamperija Indipendenza. Niftakruh mal-ġurnal In-Nazzjon Tagħna fejn għadda parti kbira mill-karriera tiegħu fil-ġurnaliżmu. Kien wieħed mill-ewwel impjegati man-Nazzjon Tagħna fl-1969. Kien bidu li kabbar l-imħabba tiegħu lejn il-lingwa Maltija.

“Konna dixxiplinati ħafna dwar il-Malti u tlajt hekk, fejn ma nużax kliem barrani meta hemm kliem Malti li joqgħod minfloku. Dan wassalni biex anki llum il-ġurnata, meta nikteb, nuża l-kelma Maltija kemm jista’ jkun,” qalilna.

“Meta tikteb fil-ġurnaliżmu, naturalment jekk tkun onest f’kitbietek, trid iżżomm mal-fatti kif ġraw u ma titbigħedx mill-verità. Ma tistax toħloq minn żniedek. Meta mbagħad tasal biex tikteb stejjer fittizji, bħalma huma n-novelli tal-biża’ tiegħi, għandek il-ħelsien kollu li tivvinta li trid. Wara kollox, kull novella u kull rumanz li qatt inkiteb, huma gidba sħiħa, mill-bidu tal-aħħar. Jekk fil-ġrajja ta’ matulhom jiddaħħlu inċidenti li seħħew tassew, dawn ma jnaqqsu xejn mill-gidba li tkun għaddejja tal-istorja magħġuna mill-moħħ tal-kittieb.”

Dan il-ħsieb wassalni biex inkun naf, skont Cachia, dwar x’jagħmel storja biex tkun ikklassifikata bħala waħda tal-biża’?

“Storja tal-biża’ hi dik li toħloq esperjenza li fil-ħajja tagħna ta’ kuljum inqisuha bħala waħda mhix normali.  Nemmen li m’hemmx għalfejn li fl-istejjer tal-biża’ jiddaħħlu elementi sopranaturali biex ikexkxu lill-qarrej meta jaqrahom. Eżempju hu li meta taqra u ssib fil-qari bieb magħluq li ma tafx x’hemm warajh dan kapaċi joħloq atmosfera tal-biża’ daqs spirtu ħażin, fatat jew vampir. L-istennija ta’ x’se ssib meta tiftaħ dak il-bieb iġġegħlek tkompli taqra, tistenna li tieħu qatgħa b’dak li se ssib jew tara. Jista’ jkun li ma ssib xejn. Imma forsi ssib.

Staqsejnieh ukoll kif jiġuh il-ħsibijiet għal dawn it-tip ta’ stejjer. Li hu żgur li jrid ikollok immaġinazzjoni kbira li tesplora rkejjen li mhux soltu nidħlu fihom.

Cachia ammetta li bosta drabi l-ħjiel għall-istejjer jiġuh b’kumbinazzjoni bla ma jkun qiegħed jistenniehom. Tista’ tkun frażi li jisma’ meta jkun miexi, inkella persuna li jaraha fit-triq. Isemmi partikolarment darba meta ra raġel ħiereg minn bieb kbir li kien jidher li hu ta’ maħżen. Ir-raġel kien qsajjar u kellu mixja partikolari. Cachia laqtu dan il-fatt u għaqqad fl-immaġinazzjoni tiegħu dak il-maħżen, li min jaf x’kien hemm fih, u dak ir-raġel li ħareġ minnu. Imbagħad ħalli għall-immaġinazzjoni li tiġri minn sentenza għall-oħra sakemm tasal fit-tmiem tar-rakkont.

“Issa għandi f’moħħi li nikteb storja li ġrat tassew lili u naddattaha għall-ktieb li jmiss,” qalilna l-awtur. “Ma nistax ngħid li meta seħħet bżajt, imma kif se niktibha bi tmiem differenti nispera li tkun tal-biża’.”

X’għandu maħsub il-kittieb għall-futur?

“Aktar stejjer tal-biża’,” assigurana l-kittieb. “F’dawn it-tliet kotba li digà huma stampati hemm b’kollox 29 storja. Issa bdejt nikteb l-istejjer għar-raba’ wieħed. Jekk il-Bambin jagħtini aktar l-għomor nispera li nispiċċah ukoll għas-sena d-dieħla. Imma naraw! Il-futur ħadd ma jafu. Misteru!” 

“M’hemmx għalfejn li fl-istejjer tal-biża’ jiddaħħlu elementi sopranaturali biex ikexkxu lill-qarrej”

– Joseph A. Cachia

Dan l-intervista dehret f’In-Nazzjon tat-Tlieta 15 ta’ Lulju, 2025.