Il-Bord tal-Eżamijiet MATSEC illum ippubblika r-riżultati għas-sessjoni tal-2025. Madwar 3,760 kandidat irċevew ir-riżultati tal-Matrikola tagħhom, filwaqt li madwar 5,250 kandidat irċevew ir-riżultati tagħhom għall-eżamijiet taċ-Ċertifikat ta’ Edukazzjoni Sekondarja (SEC).
Din is-sena timmarka pass importanti fl-iżvilupp tal-eżamijiet nazzjonali, billi għall-ewwel darba l-MATSEC introduċa suġġetti ġodda fil-livell SEC. Fost dawn is-suġġetti l-ġodda hemm iċ-Ċiniż, iż-Żfin, it-Teatru u l-Malti bħala Lingwa Barranija, li jirriflettu impenn għal kurrikulu aktar inklużiv u diversifikat.
Is-suġġetti kollha tal-SEC ġew assessjati skont mudell ġdid rivedut, iddisinjat biex jipprovdi valutazzjoni aktar olistika tal-ħiliet tal-istudenti. Dan l-approċċ il-ġdid jinkludi assessjar ibbażat fuq School-Based Assessments (SBA) u l-eżami finali. L-SBA, li jikkostitwixxi 30% tal-grad finali, assessja lill-istudenti fuq il-perjodu tal-aħħar sentejn tal-edukazzjoni sekondarja. Dan jinkludi metodi differenti fosthom proġetti, preżentazzjonijiet orali, testijiet fil-klassi u forom oħra ta’ assessjar kontinwu kif meqjus xieraq mill-edukaturi tas-suġġetti.
Il-kandidati kellhom l-għażla li jagħmlu l-eżamijiet fuq żewġ livelli: Livell 2–3, kif kien isir fis-snin ta’ qabel, u l-Livell 1–2 li kien introdott u li huwa maħsub biex jiċċertifika għarfien bażiku għal dawk li jkunu temmew is-sena skolastika. L-istruttura ġdida tal-livelli tikklassifika r-riżultati f’faxex ta’ prestazzjoni, b’Livell 3 huwa l-ogħla.
Filwaqt li Livell 3 jibqa’ l-istandard meħtieġ biex wieħed jgħaddi għall-edukazzjoni post-sekondarja, il-livelli 1 u 2 jistgħu jintużaw biex wieħed ikompli l-perkors edukattiv tiegħu f’istituzzjonijiet post-sekondarji oħrajn. Il-mudell il-ġdid jippermetti wkoll li kandidati li forsi ma kisbux il-grad fl-eżami, biex xorta jkunu jistgħu jilħqu Livell 3 b’mod ġenerali jekk l-SBA ikun biżżejjed biex jikkumpensa għall-prestazzjoni tagħhom fl-eżami.
Il-Gvern fi stqarrija qal li suġġetti bħall-Malti, l-Etika, il-Ġeografija, il-Franċiż, il-Ġermaniż u t-Taljan raw żieda fin-numru ta’ studenti li kisbu kwalifika SEC fil-Livell 3. F’suġġetti ewlenin oħra bħall-Matematika u l-Ingliż, in-numru ta’ kandidati li laħqu Livell 3 baqa’ konsistenti ma’ dak tas-snin ta’ qabel.
//= $special ?>