ĦAMRUN SPARTANS ……………..2
FK ZALGIRIS ……………….. 0
Agg 2-2 – Ħamrun Spartans għaddew 11-10 bil-penalties
Ħamrun Spartans: Henry Bonello, Rafael Compri (Emerson Marcelina 99 min), Joseph Mbong (Nikolai Micallef 90 min), Vincenzo Polito, N’Dri Philippe Koffi (Jhonny 99 min), Jovan Čadjenović, Eder (Mouad El Faris 90 min), Ognjen Bjeličić, Domantas Šimkus (Matias Garcia 79 min), Merlin Hadzi (Serigne Thioune 22 min), Ryan Camenzuli.
FK Žalgiris: Carlos Olses, Luka Dumančič, Kassim Hadji (Kevin Lukasevic 107 min), Ebenezer Ofori, Giedrius Matulevičius (Dino Salcinovic 46 min), Ovidijus Verbickas (Nemanja Mihajlovic 67 min) , Vasilije Radenović, Joris Moutachy, Bruno Tavares, Yuri Kendysh, Liviu Antals
Referee: Matteo Marcenaro (Italja)
Kienet tassew lejla memorabbli fis-Centenary Stadium dik tal-lejla, lejla li l-partitarji Ħamruniżi mhux se jinsew malajr, iżda mhux biss. Ir-rebħa li rrnexxilhom jagħmlu Hamrun Spartans Football Club illejla, min kapaċi jirraġuna b’moħħ matur, jaf u jifhem li llejla rebaħ il-futbol Malti u mhux Ħamrun Spartans biss.
Prestazzjoni mill-aqwa minn Ħamrun li għamlu logħba kbira u ġabu fix-xejn lill-avversarji li wara 120 minuta kważi qatt ma resqu lejn il-lasta ta’ Bonello. Ħamrun bdew il-logħba żewġ goals minn taħt, frott it-telfa inġusta li sofrew f’Vilnius. Iżda Ħamrun mill-ewwel dehru determinati li jikkanċellaw dak ir-riżultat u wara diversi tentattivi u goal imħassar irnexxielhom jiskorjaw darbtejn fl-aħħar minuti tal-ewwel taqsima biex fetħu l-logħba beraħ.
Kien is-sostitut Tioune li fetaħ l-iskor b’daqqa ta’ ras fil-35 minuta u sitt minuti wara gola tal-istampi skorjat minn Joseph Mbong b’xutt bomba mid-distanza.

Ħamrun Spartans jiċċelebraw wieħed miż-żewġ gowls li skorjaw fl-ewwel taqsima (ritratt ta’ Joseph Galea)
Fit-tieni taqsima Ħamrun naqqsu xi ftit ir-ritmu mill-iktar elevat tal-ewwel taqsima, iżda xorta waħda baqgħu perikolużi l-iktar meta xutt minn metru bogħod ta’ Thioune kien mirakolożament imxellef għal korner.
Sfortunatament għal Ħamrun it-tielet goal baqa’ ma wasalx anki wara l-ħin barrani u anki wara li tkeċċa Radenovic fil-114-il minuta.
Id-destin taż-żewġ timijiet kellu jkun deċiż bil-penalties.
Kienu maratona ta’ penalties, 28 b’kollox fejn wara li l-għaxar plejers kollha taw penalty reġa’ beda t-tieni round ta’ penalties. Ħamrun għal darba darbtejn kellhom il-penalty li jista’ jagħlaq il-logħba iżda fid-darbtejn fallew milli jiksbu r-rebħa. Iżda mat-tielet opportunita Cadjenovic, li kien falla l-ewwel penalty, ma żbaljax biex il-Ħamruniżi kisbu kwalifikazzjoni mill-iktar meritata u setgħu jibdew jiċċelebraw.
//= $special ?>