Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ċaħdet talba preliminari mressqa mid-difiża ta’ Wilder Lopez Garcia, li kienet qed titlob li l-kapi tal-akkuża kontrih jiġu ddikjarati nulli u legalment ineffettivi. Garcia, ċittadin Kolombjan, qed jiffaċċja akkużi serji relatati ma’ traffikar ta’ droga, ħasil ta’ flus u assoċjazzjoni f’organizzazzjoni kriminali.
Dan il-każ imur lura għal 2012 fejn żewġ nisa li kienu nqabdu jdaħħlu droga f’Malta, ikkonfermaw lill-Pulizija l-identità ta’ raġel li ġagħalhom jagħmlu dan bil-wegħda li jitħallsu €1,000 kull waħda. U dan kien l-istess Lopez Garcia, li għandu jgħaddi ġuri fil-futur qarib.
Olga Lucia Rativa Restrepo, ċittadina Kolombjana, u Sandra Castano, ċittadina Spanjola, kienu ġew arrestati f’Settembru tal-2012 fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ftit wara li waslu minn Madrid. Iż-żewġ nisa kienu qed iġorru kokaina moħbija fil-partijiet privati tagħhom, u matul l-interrogazzjoni mal-Pulizija wrew kooperazzjoni sħiħa.
Huma żvelaw lil min kien organizza l-vjaġġ tagħhom u tahom l-istruzzjonijiet biex idaħħlu d-droga fil-pajjiż. Eventwalment il-Pulizija arrestaw lil dan ir-raġel li allegatament daħħalhom f’dan in-negozju illegali b’wegħdiet ta’ flus faċli. Hemm il-possibbiltà li meta jsir il-ġuri ż-żewġ nisa se jixhdu kontrih f’dan hekk imsejjaħ l-involviment tiegħu f’dan iċ-ċirku ta’ traffikar internazzjonali.
Waqt l-investigazzjoni waħda minn dawn in-nisa kkonfermat li l-ftehim biex tiddaħħal id-droga f’Malta kien sar mal-akkużat Wilder Garcia Lopez. Ken hawnhekk li l-Pulizija ta’ kontra d-droga, iddeċidiet li tinterċetta lill-akkużat u fl-20 ta’ Settembru tas-sena 2012 arrestatu mill-ajruport ta’ Malta meta kien fi triqtu lejn Milan.
L-akkużat ftit li xejn ikkopera mal-Pulizija fejn prattikament ma lissen u ma forna l-ebda informazzjoni magħhom. Għalkemm l-akkużat baqa’ jinnega li qed jagħmel użu minn fond fl-akwati ta’ San Pawl Il Baħar, bi ċwievet li ġew elevati minn fuq l-akkużat, kif ukoll bis-saħħa ta’ ritratti li kien hemm fuq iċ-ċellulari li wkoll ġie elevat minn fuqu.
Il-Pulizija ssoktat bl-investigazzjoni tant li rnexxielha tittraċċja u tidentifika l-appartament li kien qed
juża l-akkużat Wilder Lopez Garcia b’dana li l-Pulizija rnexxielha tiftaħ l-imsemmi fond appuntu biċ-ċwievet li ġew elevati minn fuqu.
B’riżultat ta’ tfittxija li saret f’dan l-appartament, dejjem fil-preżenza tal-akkużat, il-Pulizija elevat, fost affarijiet oħra, pressa mdaqqsa ħamra, liema pressa, skont l-investigazzjoni li saret, kienet qed tintuża mill-akkużat u l-assoċjati ta’ miegħu biex jippressaw id-droga kokaina ġewwa kapsoli apposta, b’dana li tali forom ġew elevati minn ġewwa kexxun fil-kċina tal-appartament.
Konferma u prova oħra li l-appartament kien qed jużah l-akkużat huwa l-kuntratt tal-kirja ta’ dan il-fond, li wkoll ġie elevat mill-Pulizija, f’liema kuntratt tal-kirja hemm imniżżel l-isem tal-akkużat u s-sidien tal-fond, b’dawn tal-aħħar jikkonfermaw bil-ġurament l-istess kirja.
L-avukati tad-difiża argumentaw li l-kapi tal-akkuża mressqa kontra Garcia kienu vagi, konfużi u legalment difettużi, tant li skont id-difiża, ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ligi biex jipprovdu biżżejjed ċertezza lill-akkużat dwar x’inhu akkużat bih.
Intqal li xi akkużi kienu ripetittivi jew kontradittorji, filwaqt li oħrajn kienu miktuba b’mod wisq ġeneriku jew estensiv, b’nuqqas ta’ elementi essenzjali bħall-element ta’ mens rea (l-intenzjoni kriminali). Id-difiża allegat ukoll li l-mod kif saru l-akkużi se jwasslu lill-ġurati biex mill-ewwel ikunu preġudikati kontrih.
Id-difiża talbet lill-Qorti biex tiddikjara n-nullità ta’ dawn l-akkużi, billi dan kien iwassal għal ksur tad-drittijiet fundamentali tal-akkużat għal ġudizzju ġust u trasparenti, kif protett mill-Kostituzzjoni ta’ Malta u mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Lopez Garcia, qed jiffaċċja diversi akkużi relatati ma’ traffikar ta’ droga, inkluż il-konfoffa biex jimporta madwar kilogramma kokaina f’Malta permezz ta’ diversi couriers, kif ukoll akkużi ta’ ħasil ta’ flus u assoċjazzjoni ma’ oħrajn bi skop kriminali.
Wara li qieset bir-reqqa s-sottomissjonijiet legali, il-Qorti preseduta mill-Imħallef Scerri Herrera kkonkludiet li l-kapi tal-akkuża huma validi u konformi mal-liġi, u għaldaqstant ma kien hemm ebda bażi biex dawn jitqiesu nulli jew ineffettivi.
“Il-kapi tal-akkuża huma formulati b’mod ċar u skont il-ligi Maltija,” qalet l-Imħallef fil-Qorti. “Ma hemm ebda nuqqas legali li jiġġustifika t-tħassir jew id-dikjarazzjoni tan-nullità tagħhom. L-argumenti tad-difiża huma infondati.”
Il-Qorti saħqet li l-prosekuzzjoni għandha dritt tifformula l-akkużi kif xieraq, basta dawn ikunu ċari biżżejjed biex l-imputat jifhem b’mod raġonevoli minn xiex qed jiġi akkużat u jipprepara difiża effettiva. Wilder Lopez Garcia qed jiġi akkużat li kien il-moħħ wara operazzjoni internazzjonali ta’ traffikar ta’ kokaina minn pajjiżi tal-Amerika t’Isfel lejn Malta, permezz ta’ couriers.
L-investigazzjonijiet indikaw li Garcia allegatament ħadem ma’ diversi persuni – fosthom Sandra Castano, Olga Lucia Rativa Restrepo, u Alexander Restrepo Diaz – li ġew arrestati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta b’droga moħbija fil-bagalji tagħhom.
Il-prosekuzzjoni qed tgħid li għandha l-provi b’saħħithom li Garcia kien jgħix f’Buġibba taħt isem falz, fejn kien juża appartament bħala bażi biex il-kokaina tiġi ppakkjata mill-ġdid għall-bejgħ fis-suq lokali. L-akkużat ġie wkoll investigat fuq ħasil ta’ flus u konnessjonijiet ma’ grupp kriminali barra minn Malta, inkluż Oscar Alonso Zapata Mera, meqjus bħala figura ewlenija fit-traffikar tad-droga.
Il-każ issa se jkompli quddiem il-Qorti Kriminali għall-kompilazzjoni tad-dokumenti, evidenza forensika, u xhieda. L-Imħallef ordnat li l-proċeduri jitkomplu mingħajr dewmien ulterjuri.
L-akkużat jibqa’ miżmum taħt arrest preventiv, filwaqt li d-difiża se jkollha l-opportunità tressaq aktar eċċezzjonijiet jew evidenza aktar ‘il quddiem.
Is-seduta li jmiss hi skedata għat-29 ta’ Lulju li ġej.