Lokali Qorti

Mixli bi vjolenza fuq l-eks sieħba tiegħu li qalet li sawwatha u spiċċat titlef it-tarbija

Raġel ta’ 34 sena mir-Raħal Ġdid, li ismu ma jistax jixxandar minħabba ordni tal-Qorti, nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli b’diversi reati relatati ma’ vjolenza domestika kontra l-eks sieħba tiegħu. Skont il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Antonello Magri, l-allegata vittma rrakkuntat li waqt argument fis-6 ta’ Lulju, l-akkużat heddidha li se jpattihielha u li se jisparalha.

F’rapport preċedenti lit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika fil-Pulizija fis-7 ta’ Lulju, l-istess mara allegat li f’argument ieħor, l-akkużat qalilha li se “jagħmlilha ċertu vendikazzjonijiet”. L-eks sieħba tiegħu qalet ukoll li fl-aħħar ta’ Mejju, meta kienet tqila, huwa ta daqqiet li allegatament wasslu biex tilfet it-tarbija.

L-akkużat tressaq mixli li heded lill-eks sieħba tiegħu, li kkaġunalha biża li se tintuża vjolenza kontriha, użu ħażin ta’ apparat ta’ komunikazzjoni elettronika u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Id-difiża, rappreżentata mill-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit, talbet għall-ħelsien mill-arrest, u qalet li anke l-allegata vittma kienet ikkuntattjat lill-akkużat, u li ma hemmx akkużi ta’ feriti fiż-żmien riċenti.

Madankollu, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat, billi sostniet li l-akkużat għandu “karattru raffrettarju”, u li l-allegata vittma għadha ma xehditx. Il-Maġistrat Leonard Caruana ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordna li l-akkużat jibqa’ miżmum, b’riferenza għall-fedina penali tiegħu u l-akkużi serji ta’ ksur ta’ kundizzjonijiet ġudizzjarji.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Antonello Magri, L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit dehru għall-akkużat. L-Avukat Yanika Barbara Sant dehret bħala parte civile fil-każ.