Għawdex Lokali

Neil Agius bi sfida oħra, din id-darba f’Għawdex

Neil Agius, l-atleta Malti magħruf għall-kisbiet tiegħu fid-dinja tal-għawm fuq distinza twila, ħabbar li ser ikun qed jagħmel sfida oħra, din id-darba mal-kosta t’Għawdex.

7 għawmiet f’7 t’ijiem – din hija l-mira ta’ Neil Agius.

Riċentament, rajna lil Neil Agius jgħum sabiex jikser rekord nazzjonali – però din id-darba mhux ser ikun qed jagħmel din l-isfida sabiex jikser rekord dinji iżda sabiex isir studju. L-għan ċentrali huwa sabiex jara l-limitu tal-bniedem u sabiex jifhem aħjar x’ikun qed iseħħ lill-ġisem f’dawn il-kundizzjonijiet estremi.

Dan l-istudju ser isir permezz ta’ diversi testijiet li ser jittieħdu minn jum għall-ieħor waqt din l-isfida. Testijiet li ser juru l-abbiltà tal-ġisem meta wieħed jgħum għall-15-il siegħa kuljum għall-sebat ijiem konsekuttivi f’baħar mitfuħ.

Għalkemm it-tir ta’ Agius huwa li jgħum għall-15-il siegħa kuljum, dan jista’ jvarja għaliex jiddependi mill-kundizzjonijiet tal-baħar; fost elementi oħra li m’għandux kontroll fuqhom.

Il-ħin li Neil Agius ma jkunx fl-ilma ser ikun użat sabiex hu jistrieħ, jiekol u jittieħdu t-testijiet li jkun hemm bżonn għal din ir-riċerka.

Neil Agius ser ikun liebes tracker hu u jgħum li permezz tiegħu n-nies ser ikunu aġġornati kontinwament.

Agius ser ikun qed jgħum fid-direzzjoni tal-arloġġ u kuljum ser jibda minn post differenti.

Neil kellimna dwar il-mumenti ta’ qtigħ il-qalb waqt l-isfidi tiegħu.

Din l-isfida madwar Għawdex se tkun qed tibda fil-31 t’Awwissu li ġej.