Opinjoni

OPINJONI: Dan hu l-mument għal tmexxija ġdida u aktar qrib in-nies

minn Alex Borg

Il-ġimgħa li għaddiet ingħata bidu għal sensiela ta’ sessjonijiet taħt l-isem ‘Nisma’’, bl-ewwel żewġ waqfiet isiru f’Tal-Pietà u fis-Siġġiewi. Dawn mhumiex biss laqgħat iżda l-bidu ta’ bidla fil-mod kif nikkomunikaw mal-poplu u nipparteċipaw fit-tfassil tal-viżjoni tagħna bħala partit.

F’dawn is-sessjonijiet smajna minn anzjani u żgħażagħ, minn membri ġodda u oħrajn ta’ snin twal – kollha b’għan wieħed: ħerqana jaraw partit li jisma’, jirrifletti u jwieġeb. Kull idea, kull kritika, kull proposta trid tiġi mismugħa u meqjusa.

Nemmen b’mod sħiħ li mexxej tajjeb ma jibdiex jitkellem – jibda billi jisma’. U huwa proprju għalhekk li l-kampanja tiegħi bdiet bil-kelma ‘Nisma’’, biex iktar ’il quddiem nipproponi. Għax jekk verament irridu nġibu tmexxija li tirrifletti l-poplu, irridu nibdew billi nisimgħu b’mod profond, b’umiltà u b’intenzjoni ċara li nbiddlu l-mod kif titħaddem il-politika f’pajjiżna.

Għalhekk, fl-ispirtu ta’ dan il-proċess, qed nibgħat messaġġ ċar: Dan hu l-mument.

Mument biex nitilqu minn politika magħluqa għall-ftit u mmorru lejn politika li tiġbor u tagħti vuċi lill-kollettiv.

Mument biex il-Partit Nazzjonalista jinżel mill-pedestall, jerġa’ jdur mal-komunitajiet, u jisma’.

Mument biex il-politika tikseb is-serjetà u l-umanità li tant ilha tintilef.

Il-kelma ‘Nisma’’ hija l-ewwel pass. Imma dan mhux biżżejjed. Għalhekk qed nistedinkom – ingħaqdu magħna, għax il-Partit Nazzjonalista għandu futur jekk flimkien nerġgħu nagħmluh strument ta’ tama u soluzzjonijiet.

Il-bidla verament possibbli meta l-politika terġa’ ssir umana. U dan hu l-mument biex dan iseħħ.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 15 ta’ Lulju, 2025.