Opinjoni

OPINJONI: Dejjem emmint f’politika tan-nies u għan-nies

minn Adrian Delia

Nista’ ngħid li kellna bidu impenjattiv għal din il-kampanja elettorali interna biex jiġi elett kap ġdid tal-partit tagħna. Ġimgħa li fiha ltqajt ma’ mijiet minnkom u fejn qsamtu miegħi x-xewqa li naraw mill-ġdid partit magħqud u rebbieħ.

Terraqt l-irħula tal-għażiż pajjiżna. Fl-ewwel attività politika tiegħi fl-Imqabba, qrajt f’għajnejkom u smajt bil-vuċi tagħkom l-għatx għal nazzjon ġust, fejn kulħadd jgħix b’moħħ mistrieħ, mimli opportunitajiet għal kulħadd, u mfawwar b’kuntentizza ġenwina.

Dejjem emmint f’politika tan-nies u għan-nies. Nemmen li għandna nkunu solidali ma’ dawk fil-bżonn. Nemmen li għandna ngħinu lil dawk l-organizzazzjonijiet li jxerrdu l-ġid fost in-nies tagħna. Għalhekk kien pjaċir kbir tiegħi li nipparteċipa f’żewġ maratoni bi skop nobbli – il-maratona ta’ Hospice Malta u ‘Oħloq Tbissima’, li nirringrazzjahom tas-servizz impekkabbli tagħhom lejn il-batut.

Qsamt ukoll magħkom il-ferħ li jġibu magħhom il-festi tagħna, tradizzjonijiet ta’ għożża reliġjuża u soċjali. Ammirajt l-isforzi tad-dilettanti u l-voluntiera li jaħdmu qatigħ biex jaraw il-festi tagħhom jikbru sena wara l-oħra.

Fl-aħħar u mhux l-inqas, ilħaqt eluf ta’ nies permezz ta’ intervisti ma’ kmamar tal-aħbarijiet differenti fuq il-mezzi tal-midja u midja soċjali tagħhom. Wara kull intervista, għamiltuli ħafna kuraġġ u wrejtu fiduċja kbira fit-tmexxija eventwali tiegħi jekk nirbaħ il-fiduċja tagħkom.

Issa nħares ’il quddiem biex fil-ġimgħat li ġejjin niltaqa’ ma’ ħafna iktar minnkom kuljum.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 15 ta’ Lulju, 2025.