Is-Sirja, fil-preżent, qed tiffaċċja l-akbar kriżi mindu, f’Diċembru, ikkrolla r-reġim tad-dittatur Bashar al-Assad li kien responsabbli għal snin twal ta’ oppressjoni għall-iskaptu tal-poplu.
U wara xhur ta’ kalma relattiva, is-Sirja, bil-mod il-mod, qed tirritorna lejn iż-żmenijiet tal-vjolenza –bl-aħħar jiem jispiċċaw karatterizzati bil-battalji kbar bejn il-milizji Drużi u t-tribujiet tal-Bedwin rivali.
Il-konflitt, issa, jidher li ħa dimensjoni ġdida wara li l-qawwiet ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, ibbumbardjaw lill-qawwiet tal-Gvern Sirjan li kienu stazzjonati fil-madwar ta’ Suweida….Belt fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Drużi.
Din iz-zona, fl-aħħar jumejn, kienet anki ċ-ċentru tal-akbar battalji bejn id-Drużi u l-Bedwin….Battalji li ssarrfu fl-għexieren tal-mejtin u midruba, bis-sitwazzjoni hemmhekk għadha perikoluża għall-aħħar.
Skont ir-rapporti, il-maqtula kapaċi qabżu sew il-mija mindu żbroffa l-ġlied fi tmiem il-ġimgħa.
Intant, il-Ministeru tad-Difiża Sirjan, fl-aħħar sigħat, ħabbar waqfien mill-ġlied f’Suweida…L-indikazzjonijiet kienu li ntlaħaq ftehim mal-aktar uffiċjali influwenti ta’ din il-belt biex il-qawwiet tas-sigurtà tal-Gvern jidħlu u jieħdu kontroll fl-inħawi, iżda s-sitwazzjoni xorta għadha fluwida.
L-element tal-inċertezza baqa’ qawwi speċjalment wara li xi mexxejja spiritwali tad-Drużi ħeġġew lill-ġellieda lokali biex jirreżistu għall-preżenza tal-qawwiet tal-Gvern.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qal li l-intervent tal-militar tiegħu kien inevitabbli….Dan wara li hu ħareġ direttivi għall-attakki fuq il-qawwiet u l-munizzjon fiz-zona ta’ Suweida minħabba li ‘il-Gvern Sirjan kellu l-intenzjoni biex jużaw l-istess qawwiet u munizzjon għal sensiela ta’ attakki fuq id-Drużi’.
Benjamin Netanyahu qal li hu u l-Gvern tiegħu huma impenjati biex jipproteġu lid-Drużi fis-Sirja minħabba li d-Drużi għandhom ir-rabtiet mill-qrib mar-residenti ta’ Iżrael, kif ukoll mar-residenti fit-territorju tal-Golan okkupat mill-Iżraeljani.
Intant, din kienet l-ewwel darba li l-qawwiet tal-Gvern Sirjan spiċċaw stazzjonati f’Suweida u l-madwar mindu l-koalizzjoni ta’ ribelli keċċiet lil Bashar al-Assad mill-poter waqt l-offensiva finali fuq Damasku.
Fl-istess ħin, il-komunitajiet ta’ minoranza fis-Sirja huma suspettużi dwar il-Mexxejja ġodda tas-Sirja, minkejja li dawn wiegħdu s-sistemi ta’ protezzjoni għall- minoranzi kollha fil-pajjiż.
Dan ukoll meta l-kontroll fil-provinċja ta’ Suweida kapaċi, ‘il quddiem, jgħaddi għal idejn differenti wara ħafna żmien tat-tmexxija mid-Drużi….Komunità li, fl-aħħar xhur, irreżistiet is-sejħiet biex tingħaqad mal-qawwiet tal-Gvern taħt it-tmexxija tal-President Ahmad al-Sharaa – eks-militanti Iżlamiku li qabel kien magħruf bħala Abu Mohammad al-Julani.
//= $special ?>