Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li jħossu diżappuntat ħafna bl-aġir tal-President Russu Vladimir Putin li, fuq naħa, qed jiddiskuti l-paċi bħala possibbiltà waqt li, mill-banda l-oħra, qed jirranka l-bumbardamenti fuq l-ibliet tal-Ukrajna.
Donald Trump esprima ruħu bla tlaqliq waqt telefonata esklussiva mal-ġurnalisti tal-BBC …U meta l-ġurnalisti staqsewh jekk jafdax lil Putin, il-President Amerikan kien pront bit-tweġiba li ‘ma jafda kważi lil ħadd’.
L-intervista kienet ukoll sinifikattiva għaliex saret sigħat biss wara li Trump kien ħabbar il-pjan biex l-Ukrajna tirċievi l-armamenti sofistikati – inklużi l-missili Patriot – biex tiddefendi ruħha aħjar kontra l-attakki tar-Russja.
Trump, fl-istess ħin, hedded lir-Russja li jinsab lest biex jimponilha ‘it-tariffi storiċi’ f’każ li l-Kremlin ma jikkommettix għal waqfien mill-ġlied mal-Ukrajna fi żmien 50 jum.
Il-President Amerikan, li kien qed jitkellem fl-Oval Office tal-White House, anki kellu kliem pożittiv għall-Alleanza tan-NATO waqt li kkonferma l-appoġġ personali għall-prinċipju ewlieni ta’ din l-Organizzazzjoni bażat fuq il-kunċett tad-difiża komuni….Kunċett fejn attakk fuq kwalunkwe Stat-membru jrid jitqies bħala attakk fuq l-Istati kollha msieħba fl-Alleanza.
Fl-istess ħin, Trump deher l-aktar dispost li jitkellem fuq Putin u ‘dwar kemm hu jinsab diżappuntat bil-Mexxej Russu’.
Trump fakkar li, għal erba’ darbiet konsekuttivi, il-Kremlin kien tah x’jifhem li kien dispost għat-tmiem tal-gwerra u meta dan ma kienx minnu. Madankollu, Trump qal li l-bieb għadu miftuħ għal aktar negozjati ma’ Putin u li hu ‘mhux se jaħsel idejh minnu għalissa’.
Madankollu, il-President Amerikan ma semma l-ebda pjan jew strateġija konkreta li tista’ twaqqaf lil Putin milli jkompli f’din il-gwerra totali fuq l-Ukrajna.
Hu minnu wkoll li r-Russja, fl-aħħar ġimgħat, intensifikat l-attakki bil-missili u d-drones fuq l-ibliet tal-Ukreni u fejn irriżultaw rekord ta’ vittmi fost il-poplu ċivili.
Sadanittant, Vladimir Putin għadu jinsisti dwar ‘soluzzjoni għall-kawżi ewlenin tal-gwerra’ qabel ikun f’pożizzjoni li jimpenja ruħu għall-paċi. Putin qed jgħid li l-gwerra fl-Ukrajna hi r-riżultat tat-‘theddid minn barra’ għas-sigurtà tar-Russja…Theddid li, fi kliemu, ġejjin min-naħa tal-Ukreni, in-NATO u l-pajjiżi tal-Punent bħala ‘kollettiv’.
Rigward in-NATO, Trump – li sa ftit ilu kien kritiku kbir tal-Alleanza – qal li l-organizzazzjoni, illum, qed taġġorna ruħha maż-żmenijiet. Hu esprima ruħu sodisfatt li l-Mexxejja tal-Alleanza qablu biex iżidu l-infiq fuq id-difiża għall-ekwivalenti ta’ ħamsa fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) għal kull pajjiż.
Sadanittant, Donald Trump spjega li għadu u se jibqa’ jemmen fil-kunċett tad-difiża bħala ‘kollettiv’ u li jfisser li l-iżgħar pajjiżi jkunu jistgħu jiddefendu ruħhom kontra l-aggressjoni ta’ pajjiż ħafna akbar.
Il-President Amerikan ikkonkluda bl-osservazzjoni li l-Mexxejja ta’ pajjiżi ewlenin bħall-Ġermanja, Franza u Spanja, illum, saru jirrispettaw l-istil tat-tmexxija tiegħu.
U meta wieġeb għall-mistoqsija dwar l-element ewlieni li jista’ jiddefinixxi ‘l-Presidenza ta’ Trump’, il-Mexxej Amerikan enfasizza li ‘irid jibqa’ imfakkar bhala l-President li salva lill-Istati Uniti u li bidilha mill-ġdid fl-akbar potenza tad-dinja wara snin twal ta’ irrelevanza (b’referenza għat-tmexxija tal-eks President Joe Biden).’
//= $special ?>