Lokali Qorti

Żagħżugħ jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie akkużat bi vjolenza domestika

Żagħżugħ ta’ 26 sena u missier ta’ tifel ġie akkuzat b’vjolenza domestika u wieġeb mhux ħati għall-akkużi li weġġa’ lil sieħba tiegħu waqt argument li seħħ fil-garaxx tad-dar tagħhom. L-inċident allegatament seħħ fit-13 ta’ Lulju għall-ħabta tal-11:30am, meta l-akkużat, li ilu f’relazzjoni ta’ tliet snin mal-vittma ġie mixli wkoll li hedded lil mara u laqatha, tant li spiċċat waqgħet fuq karozza u sofriet ġrieħi ħfief.

Wara dan l-inċident, il-vittma għamlet l-ewwel rapport tagħha mal-pulizija dwar il-vjolenza domestika, u l-akkużat ġie arrestat l-għada filgħodu għall-ħabta tal-8am. Fil-Qorti, omm l-akkużat xehdet u offriet lilha nnifisha bħala garanti għall-ħelsien mill-arrest ta’ binha.

Hija anki offriet li jgħix magħha, peress li qed taffaċċja problemi ta’ saħħa wara attakk tal-qalb li kellha reċentement. Il-Qorti spjegatilha li jekk binha jikser il-kundizzjonijiet, il-flus li ġabret flimkien mal-partner tagħha jintilfu.

L-Avukat tad-difiża Nicholas Mifsud, f’isem l-akkużat, talab il-ħelsien mill-arrest, u sostna li l-ġrieħi kienu ħfief u li l-akkużat għandu żewġt itfal żgħar u jgħin lill-omm tiegħu li tinsab fi stat vulnerabbli. Min-naħa tal-prosekuzzjoni, l-Ispettur Antonello Magri oppona l-ħelsien, iżda talab li f’każ li jingħata, dan ikun taħt ordni ta’ superviżjoni.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo, laqgħet it-talba tad-difiża u tat l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet. Dawn jinkludu restrizzjoni ta’ ħinijiet barra mid-dar, ordni ta’ probation u ordni ta’ superviżjoni temporanja.