Lokali Parlament

Appuntamenti mediċi mħassra

Il-Ministru tas-Saħħa kkonferma fil-Parlament li kien hemm appuntamenti li ġew posposti mhux kkanċellati. 

Il-Ministru responsabbli għas-Saħħa kkonferma dan fil-Parlament meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Rebekkah Borg li staqsiet lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva jikkonferma li kien hemm sessjonijiet u appuntamenti ma’ professjonisti fi ħdan is-servizz CYPS (Child and Young People’s Services) li kellhom jiġu kkanċellati minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani, saħansitra ċerti każijiet fejn tfal ilhom aktar minn sena mingħajr ma jaraw psikjatra.

Il-Ministru ntalab ukoll jispjega għaliex hemm dan in-nuqqas ta’ professjonisti, u x’miżuri qed jittieħdu biex dan jiġi indirizzat.

Il-Ministru Jo Etienne Abela kkonferma dan u qal li dan ġara għax xi tobba kellhom perjodu ta’ studju biex ikomplu jispeċjalizzaw u jibqgħu jagħtu l-aħjar servizz aġġornat. Każijiet urġenti baqgħu jiġu mogħtija prijorità.  Infurmat li s-sitwazzjoni sejra tiġi lura għan-normal fil-futur qrib.