Ewropa Lokali

Bħal-lum 35 sena middejna l-ewwel pass lejn is-sħubija

Kitba tal-editur ta' In-Nazzjon Joe Cassar

Kull suċċess f’ħajjitna jibda bl-ewwel pass. Jekk wieħed ma jkollux il-kuraġġ li jagħti l-ewwel pass jibqa’ staġnat fejn ikun. Ma jasal imkien. Twila kemm hi twila t-triq, iebsa kemm hi iebsa, ma tirrealizza l-ebda ħolma li jista’ jkollok jekk ma tagħtix dak l-ewwel pass, li jaf ikun il-bidu ta’ tragward kbir f’ħajja ta’ bniedem jew ukoll f’ħajja ta’ nazzjon.

Kien proprju bħal-lum 35 sena – fis-16 ta’ Lulju tal-1990 – meta Malta tagħna middet l-ewwel pass f’mixja li kellha ttul 14-il sena. Mixja li b’viżjoni mill-aktar ċara ta’ politiċi kbar li dejjem għarfu x’inhu l-aħjar futur għalina, għal uliedna u għal pajjiżna, wasslitna għat-tragward mixtieq mill-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin – dak li nsiru pajjiż modern membru tal-Unjoni Ewropea.

L-applikazzjoni storika

35 sena ilu tajna l-ewwel pass. L-ewwel pass ħafna drabi jidher żgħir ħdejn it-triq twila li ssegwi. Imma żgur li jkun l-aktar wieħed importanti. Tibqa’ stampata f’moħħna d-dehra tal-Viċi Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, il-Professur Guido de Marco, jippreżenta l-applikazzjoni ta’ Malta għal sħubija f’dik li kienet il-Komunità Ekonomika Ewropea, lil Dott. Gianni de Michelis, il-President tal-Kunsill tal-Ministri, fi Brussell. Dakinhar Malta poġġiet saqajha fuq l-għatba tal-Komunità Ekonomika Ewropea, illum magħrufa minn kulħadd bħala l-Unjoni Ewropea.

Kienet viżjoni li ressqitna qrib ta’ Ewropa li kienet qed tagħmel minn kollox biex il-ġnus li jappartjenuha ma jibqgħux iżjed mifrudin u biex qatt iżjed pajjiżi Ewropej li jkunu membri ta’ din il-Komunità ma jiġġieldu bejniethom fi gwerer kontra xulxin.

L-ewwel pass fi triq twila u iebsa

L-ewwel pass kien ingħata, bħal-lum 35 sena. Imma t-triq ma kienet qatt faċli. Għax kien hawn min ma jemminx f’dan l-ideal li dejjem ħaddan il-Partit Nazzjonalista, kemm meta kien fil-gvern imma anki meta kien għadu fl-oppożizzjoni. Kien hawn min issielet kemm felaħ kontra t-triq lejn is-sħubija. Kien hawn min ipprova minn kollox biex ibeżża’ u jipprova jbella’ lill-poplu qlajjiet intiżi biss biex iżommuh ’il bogħod mill-progress li xtaq imexxih lejh il-Partit Nazzjonalista u l-mexxejja viżjonarji tiegħu.

Il-mixja, mibdija bl-ewwel pass ta’ 35 sena ilu, spiċċat waqfet ħesrem hekk kif il-poplu Malti ħass li kellu jagħti l-fiduċja tiegħu lill-Partit Laburista li, b’Alfred Sant Prim Ministru, mar Brussell biex iffriża uffiċjalment l-applikazzjoni ta’ Malta biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.

… imma t-triq komplejnieha

Imma d-destin ta’ pajjiżna ried li inqas minn sentejn wara, Gvern Nazzjonalista ġdid irrijattiva l-applikazzjoni ta’ Malta permezz tal-istess Ministru tal-Affarijiet Barranin Guido de Marco. It-triq lejn Brussell reġgħet qabdet ir-ritmu, u wara li f’Diċembru tal-2002 Malta għalqet b’suċċess in-negozjati dwar is-sħubija u anki l-pakkett finanzjarju tal-UE lil Malta, fit-8 ta’ Marzu 2003, b’maġġoranza ta’ iżjed minn 19,000 vot, il-poplu Malti approva f’referendum is-sħubija ta’ Malta fl-UE.

Il-konferma tal-mandat tal-poplu għas-sħubija waslet fl-elezzjoni ġenerali ta’ April 2003 biex erbat ijiem biss wara, il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami, flimkien mal-Ministru tal-Affarijiet Joe Borg, iffirmaw it-Trattat tas-Sħubija f’Ateni.

L-ewwel pass ta’ bħal-lum 35 sena kien wassalna fejn xtaqna. Fejn jixirqilna. Kien issa wassalna f’darna, fejn minkejja d-diżgwid li jinqala’ kultant, bħalma jiġri f’kull familja oħra, żgħira jew kbira, għadna nħossuna komdi sal-lum.