De La Salle College mistennija jipparteċipaw fil-World Schools Team Chess Championships li se jkunu qed jintlagħbu f’Washington D.C., USA. De La Salle ipparteċipaw bi 3 timijiet fost 50 tim u ‘l fuq minn 150 student, fit-turnew popolari Chess Interschools Qualifiers li ġie organizzat f’April li għadda. Tnejn mit-timijiet tagħhom spiċċaw fil-quċċata tal-klassifika, mal-ewwel 6 postijiet, biex b’hekk ikkwalifikaw għall-Finali.
Il-finali ġew imtella’ bħala parti mill-ewwel edizzjoni tal-Malta Schools Games, organizzati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, Riċerka u Innovazzjoni, b’kollaborazzjoni ma’ Sport Malta, il-Kumitat Olimpiku Malti (MOC) u Malta Schools Sports Federations (MSS). It-tim ta’ De La Salle irnexxielhom jirbħu l-kompetizzjoni b’riżultat perfett (https://chess-results.com/tnr1177959.aspx?lan=1) u b’hekk kisbu d-dritt li jirrappreżentaw lil Malta fil-kompetizzjoni Dinjija għall-iskejjel.
It-tim li se jkun qed jipparteċipa fit-Team Chess Championships se jkun kompost minn Gabriel Gauci, Gabriel Grech, Benjamin Calleja Falzon, Matthew Callus u Luke Micallef Trigona. Huma se jkunu akkumpanjati mill-kaptan u kowċ Duncan Vella mill-Federazzjoni Maltija taċ-ċess.
Il-kampjonat se jkun qed jikkonsisti fi tmien logħbiet li se jintlagħbu fil-format rapid b’45 minuta (b’żieda ta’ 10 sekondi ma’ kull mossa) ħin għal kull plejer. Erba’ parteċipanti se jkunu qed jilagħbu f’kull round, darba bl-iswed u darb’oħra bl-abjad.
L-istudenti bħalissa qed jitħarrġu b’serjetà kbira għal din il-kompetizzjoni, li għal ħafna minnhom, se tkun l-ewwel esperjenza tagħhom f’kompetizzjoni barra minn Malta.
//= $special ?>