“Victor kien il-bniedem li tefa’ lil Birkirkara fuq il-mappa tal-futbol Malti u li grazzi għal dan, minn żmienu sal-ġurnata tal-lum, il-klabb sar wieħed relevanti u li kull sena dejjem ikunu minn ta’ quddiem biex nikkompetu għall-unuri maġġuri tal-futbol Malti.”
Dawn kienu l-ewwel kummenti li l-President ta’ Birkirkara, Michael Valenzia ta’ lil Net News llejla. Valenzia, flimkien mal-bqija tat-timexxija amministrattiva, kowċ u staff tekniku, l-iskwadra kollha u grupp ta’ partitarji ta’ Birkirkara, bħalissa jinsabu jinsabu f’Chișinău, il-Molodva, lejlet il-partita tant importanti ta’ għada. Wara r-rebħa ta’ ġimgħa llu bl-iskor ta’ 1-0 f’Malta, għada l-Ħamis, l-Istripes se jkunu qed jilgħabu kontra FC Petrocub Hincesti, b’tama li javvanzaw għat-tieni rawnd tal-UEFA Conference League.
Valenzia kellu kliem ta’ tifħir u rispett kbir lejn il-legat li Zammit ħalla bħala President ta’ Birkirkara.
“Sintendi wara Victor, kien hemm il-kontribut u x-xogħol tal-Presidenti li ġew warajħ u li bil-ħidma tagħhom komplejna fuq dak li kien welled Victor. Pero b’ċertezza mingħajr il-bidla fil-mod ta’ kif minn żmienu, l-amministrazzjoni tal-klabb bdiet taħdem u x-xogħol kbir li għamel Victor bħala President ta’ Birkirkara, il-klabb tagħna ma kien ikun qatt fejn jinsab illum,” saħaq Valenzia.
F’kummenti li ta lil Net News, Valenzia qal li b’rispett lejn dak li kkontribwixxa “is-Sur Victor għal Birkirkara, għada qabel il-bidu tal-logħba mit-tieni leg, tal-ewwel rawnd tal-UEFA Conference League, kontra FC Petrocub Hincesti, tlabna lill-UEFA u tkellimna mal-President tal-klabb oppost, biex tiġi osservata minuta silenzju għal memorja tal-eks President tagħna”.
Valenzia qal li dawn mhux talli aċċettaw t-talba tal-klabb Malti, iżda waqt li se tkun qed tinżamm din il-minuta silenzju, l-iscreen tal-Istadium f’Chișinău se jkun qed jipproġetta ritratt li jfakkarna f’Victor. Aktar minn hekk, Valenzia ikkonferma li l-plejers ta’ Birkirkara, se jkunu qed jilgħabu bil-vistu, u għalhekk kull plejer se jkun qed jilbes faxxa sewda ma’ idejħ.
“Bħala President ta’ Birkirkara, nestendi l-kondoljanzi sinċiera tiegħi lill-familjari ta’ Victor u nwiegħed li l-personalitá u l-legat tiegħu bħala President tal-klabb, m’hu se jintesa’ qatt,” tenna Valenzia, li kien jinħass komoss bl-aħbar tal-lum.
Valenzia kompla jgħid li l-kumitat li jmexxi hu, ”diġa’ bdejna naħdmu biex il-memorja tiegħu tibqa’ imfakkrha b’mod permamenti, b’xi ħaġa speċjali.”
//= $special ?>