Internazzjonali

Eluf ta’ Afgani rilokati lejn ir-Renju Unit wara tixrid ta’ dettalji personali


Eluf ta’ Afgani ġew rilokati lejn ir-Renju Unit taħt skema sigrieta wara li uffiċjal Ingliż bi żball xerred id-dettalji personali ta’ kważi 19,000 applikant għal programm ta’ risistemazzjoni.

Il-każ li seħħ fi Frar tal-2022 iżda baqa’ ma ġiex żvelat għal aktar minn sentejn, espona informazzjoni bħal ismijiet, dettalji ta’ kuntatt, u informazzjoni dwar il-familji tagħhom .

Il-każ ġie għall-attenzjoni tal-gvern f’Awwissu 2023 wara li d-data dehret fuq Facebook. B’rabta ma’ dan, skema speċjali msejħa Afghan Relocation Route tnediet bl-għan, li tgħin lil 4,500 Afgan imorru lejn ir-Renju Unit. Madankollu, il-pubbliku sar jaf biss dwar il-ksur u r-rilokazzjoni din il-ġimgħa wara li mħallef tal-Qorti Għolja neħħa super-inġunzjoni stretta li kienet ipprojbixxiet ir-rappurtar tal-midja.

Is-Segretarju tad-Difiża John Healey skuża ruħu fil-Parlament, u ammetta li d-data ntbagħtet barra minn sistemi siguri. Il-Ministeru tad-Difiża issa jemmen li 2,400 persuna affettwata jibqgħu fl-Afganistan, filwaqt li l-iskema – li tiswa sa £ 850 miljun – qed tingħalaq.