Flok solva l-kriżi fid-drenaġġ, il-Gvern neħħa l-klassifikazzjoni ta’ zona sensittiva fil-baħar.
F’pajjiż żgħir bħalma hu tagħna, li jiddependi fuq il-baħar għall-ekonomija u l-kwalità tal-ħajja, huwa tal-mistħija li ilna s-snin bid-drenaġġ ifur fil-baħar tagħna u Gvern Laburista għadu ċass quddiem dis-sitwazzjoni. Il-popolazzjoni kibret bla kontroll, l-infrastruttura baqgħet li kienet jew marret lura, u l-Gvern baqa’ jinjora l-konsegwenzi.
Dan kien il-messaġġ ewlieni ta’ konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg; ix-Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Ryan Callus u x-Shadow Minister għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Joe Giglio.
Huma fakkru kif f’Ottubru 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea kkundannat lill-Gvern Malti għax sabitu ħati li ma kienx qed jittratta kif suppost id-drenaġġ li qed jispiċċa fil-baħar. L-impjanti ewlenin tat-trattament tad-drenaġġ f’Ta’ Barkat u fiċ-Ċumnija ma kinux qed ilaħħqu mad-domanda u l-Gvern ma kienx qed jagħmel monitoraġġ adegwat.
Aktar minn hekk, il-Gvern kien ilu jaf b’din is-sitwazzjoni mill-inqas sa mill-2016, u kien saħanistra ammetta mal-Ewropa li kien hemm problema fis-sistema tad-drenaġġ ta’ pajjiżna. Iżda meta jitkellmu Malta, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Miriam Dalli jibdlu d-diska u jibqgħu jinsistu li Malta m’għandhiex problema fis-sistema tad-drenaġġ. Aħseb u ara kemm se jsolvu din il-problema.
Għal dawn is-snin kollha, id-drenaġġ mhux trattat baqa’ jintefa’ fil-baħar. Dan kollu waqt li l-popolazzjoni kompliet tikber b’rata allarmanti u bla ebda pjan infrastrutturali serju li jlaħħaq mal-kobor tal-isfidi l-ġodda li qed niffaċċjaw bħala pajjiż. Dawn l-isfidi ħolqu pressjoni kbira fuq l-infrastruttura kollha – mit-toroq sal-elettriku.
Imma l-problemi li għandu pajjiżna huma akbar minn hekk: mhumiex biss l-impjanti li qed ifallu. Hija l-infrastruttura tan-netwerk ta’ distribuzzjoni kollha li hija antika u li ma tiflaħx biżżejjed. Huwa għalhekk li qed naraw l-għeluq ta’ bajjiet f’nofs is-sajf.
Il-Gvern uriena kemm m’għandux idea kif se jsolvi l-kaos li ħoloq hu stess meta fit-27 ta’ Diċembru tal-2024, iddeċieda li jneħħi l-istatus ta’ “zona sensittiva” għall-ambjent fiċ-Ċumnija – ftit ġimgħat biss wara s-sentenza tal-Qorti Ewropea. Fis-sentenza l-Qorti qalet li l-impjant taċ-Ċumnija kien qed jarmi drenaġġ mhux trattat kif suppost f’baħar li kien meqjus bħala zona sensittiva. F’zoni bħal dawn il-liġi titlob trattament aktar strett tad-drenaġġ – iżda dan ma sarx.
Xi nbidel biex din iz-zona ma tibqax tiġi klassifikata b’dan il-mod? U għaliex tneħħiet il-klassifikazzjoni biss wara s-sentenza tal-Qorti Ewropea?
Minflok ikkonferma li hemm problema, il-Gvern għażel li jinħeba wara studju qadim u baqa’ ma rranġax is-sitwazzjoni. Gvern li meta jkollu problema, minflok isolviha, joqtolha.
Il-Partit Nazzjonalista qed iwissi wkoll li filwaqt li Malta diġà qed tfalli milli tikkonforma mad-Direttiva li ilha fis-seħħ 34 sena, issa trid ukoll tiġi konformi ma’ standards ħafna aktar stretti f’dan il-qasam sal-2028.
Minflok ma jirrikonoxxi r-responsabbiltà li jmexxi l-pajjiż u jinvesti fis-sistemi tiegħu, il-Gvern qed jinħeba wara l-iskużi u jispiċċa jwaħħal f’ħaddieħor.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun vuċi soda għal dawk li l-Gvern qed injora kuljum: il-vuċi tar-residenti, tat-tfal, tas-sajjieda, tal-imprendituri, tat-turist, u ta’ dawk kollha li jemmnu li l-baħar nadif mhux privileġġ imma dritt.
Il-poplu Malti jistħoqqlu serjetà u tmexxija li tħares lejn illum, lejn għada u lejn il-futur.
//= $special ?>