Lokali

“Sodisfatti li fl-aħħar il-Gvern fehem li ċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna m’għandhiex tkun għall-bejgħ” – Il-PN

Kellha tkun sentenza tal-Qorti Ewropea li twasslu jwaqqaf il-bejgħ tal-passaporti; il-PN mill-bidu kien konsistenti kontra dan il-programm

Fi stqarrija ffirmata mis-Shadow Minister Darren Carabott, il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar tat-tħasssir tal-Individual Investor Programme.

Huwa tajjeb li l-Gvern Laburista fl-aħħar jinsab kommess li jagħraf l-importanza li ċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna m’għandhiex tkun għal bejgħ, anke jekk dan għamlu biss wara sentenza tal-Qorti Ewropea.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq li ċ-ċittadinanza Maltija m’għandux ikollha prezz u dan il-pass hu wieħed fid-direzzjoni t-tajba.

Skont l-Abbozz ippubblikat mill-Gvern Laburista minbarra li se jitħassar għal kollox dan il-programm ta’ bejgħ tal-passsaport Malti, se tkun emendata l-proċedura l-oħra li diġà titħaddem: dik ta’ naturalizazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista mill-bidu nett kien ċar, kostanti u konsistenti fil-pożizzjoni tiegħu: li ċ-ċittadinanza Maltija qatt m’għandha tkun għall-bejgħ u, kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizza tal-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadinanza qatt ma tista’ tiġi ridotta għal transazzjoni kummerċjali. Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista minn dejjem saħaq fuq il-ħtieġa ta’ rabta ġenwina ma’ pajjiżna u fuq il-mertu li jsaħħaħ iċ-ċittadinanza u mhux ibigħha.

Is-sentenza tal-Qorti Ewropea tefgħet dell fuq pajjiżna li qatt ma kellu jkun – qatt ma kellna naslu għal kundanna li kieku l-Gvern Laburista ma webbisx rasu u li kieku ta’ widen għall-argumenti sodi li qajjem il-Partit Nazzjonalista sa mill-ewwel ġurnata.

F’dan l-istadju, l-Partit Nazzjonalista se jkompli jiltaqa’ mal-istakeholders, u ma’ esperti legali, u se jkompli jagħrbel id-dettall ta’ dak li qed jiġi propost fl-Abbozz.

Il-Partit Nazzjonalista jittama li l-Gvern issa qiegħed jagħraf li ċ-ċittadinanza tagħna għandha valur wisq akbar minn prezz li tista’ tingħata u li minn issa ‘l quddiem jagħmel dak kollu li għandu s-saħħa jagħmel biex iħarisha u jgħolliha ‘l fuq.