Internazzjonali

Ippreżentat l-akbar budget Ewropew li jammonta għal 2 triljun ewro

Ritratt: EuroNews

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-akbar budget fl-istorja għas-seba’ snin li jibdew mill-2028. Budget li issa għandna l-abbozz tiegħu, u li dwaru se jkunu qed isiru diskussjonijiet matul is-sentejn li ġejjin.

L-Erbgħa waranofsinhar, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen, ippreżentat dan l-abbozz għall-budget li jkopri is-snin 2028 sa l-2035. Budget li jfisser allokazzjoni ta’ biljuni ta’ ewro f’setturi diversi, u li se jfisser ukoll li anke pajjiżna għandu jibqa’ jgawdi minn dawn il-fondi – kif gawdejna sa mis-sħubija, fl-2004.

Fi kliem Ursula Von Der Leyen, il-budget għal dawn is-seba’ snin se jkun qed jirrifletti l-ħtieġa attwali tal-Unjoni Ewropeja; bżonnijiet differenti ħafna minn dawk tal-aħħar budget li kien ippreżentat propju fl-2020 – fi żmien il-COVID-19.

Il-budget għal dawn is-snin se jara żieda sostanzjali f’investiment fid-difiża, bil-fondi kollha għal dan ir-rigward se jkunu taħt il-Fond Ewropew għall-Kompetizzjoni – li mistenni jammonta għal madwar 410 biljun ewro.

Dan il-budget, ġibed reazzjonijiet diversi, bl-aktar deċiżjoni kontroversjali tkun dik li tgħaqqad il-fondi għall-bdiewa u dawk għar-reġjuni, li orġinarjament kien jammonta għal terz tal-budget Ewropew f’wieħed; bl-isem ta’ European Economic, Territorial, Social, Rural and Maritime Sustainable Prosperity and Security Fund.

Ursula Von der Leyen ħabbret ukoll li se tkun qed tinvesti 865 biljun ewro fis-setturi tal-agrikultura, politika soċjali u sajd. Iżda minkejja dan, l-budget irċieva l-kritika li ż-żieda fl-ispiża tad-difiża hija għad-detriment tal-investiment fl-agrikultura u s-sajd.

Jidher, illi fil-budget il-ġdid il-pjan hu li tissaħħaħ id il-gvernijiet nazzjonali minflok dawk reġjonali, bil-gvernijiet lokali jitilfu ħafna mis-saħħa li għandhom finanzjarjament.

B’rapporti internazzjonali jindikaw illi Raffaele Fitto – il-Kummissarju Ewropew responsabbli mir-reġjuni tal-Ewropa mhu kuntent xejn b’din id-deċiżjoni.

Kienu ħafna dawk li kkritikaw din il-mossa, hekk kif issa, jidher li hemm riskju li organizazzjonijiet lokali se jkunu qed jerfgħu t-toqol ta’ nuqqas ta’ riforma ekonomika mill-gvern ċentrali. B’inkwiet ieħor ikun dak għal pajjiżi bħall-Ungerija, fejn hemm riskju li Viktor Orbàn jaqta’ totalment il-fondi Ewropej minn reġjuni fl-Ungerija li huma mmexxija mill-Oppozzjoni.

Intant, il-pjan ta’ dan il-budget huwa li jiżdied l-investiment fid-difiża u anke l-innovazzjoni, b’dan l-investiment issa jammonta għal 131 biljun ewro, taħt il-kappa tal-Fond għall-Kompetizzjoni Ewropea, b’100 biljun addizzjonli jiġu allokati għall-għajnuna lill-pajjiż Ukren.