Lokali

Jerġgħu jgħaxxquha fuq l-abort

Wara li ġie kkritikat għall-vot tiegħu ftit ġimgħat ilu meta vvota favur rapport li jsejjaħ għall-inklużjoni tal-abort bħala dritt fundamentali Ewropew, il-Viċi Mexxej tal-Partit Laburista l-MEP Alex Agius Saliba issa biddel id-diska u vvota kontra riżoluzzjoni b’linwaġġ simili, hekk kif jidher li ammetta li żbalja wara kritika fosthom mill-Life Network Foundation.

Iżda f’mossa stramba wara l-vot, Agius Saliba ħareġ filmat fuq Facebook mifni botti kontra d-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew li jmexxiha huwa stess.

Agius Saliba ried jenfasizza li fuq l-abort, il-Membri Laburisti sħabu abbandunawh meta wieħed għażel li jastjeni fuq ir-rapport filwaqt li ieħor ivvota favur li l-abort isir dritt. Tul il-filmat twil u mqanqal, Agius Saliba enfasizza ripetutament kif tħalla waħdu f’dan il-vot mill-Partit Soċjalista biex jesponi l-fatt li sħabu stess ma vvutawx bħalu fuq l-abort.

“Huwa tajjeb li Alex Agius Saliba biddel fehtmu. Però fuq materja importanti bħal din, kellu jaċċerta li anke d-delegazzjoni tiegħu jivvutaw bħalu.

Minflok hemm tliet deputati tal-PL bi tliet voti differenti. Hawnhekk lanqas m’aħna nitkellmu dwar jekk intix favur l-abort. Qed nitkellmu fuq jekk l-abort għandux ikun sfurzat fuqna kontra r-rieda tal-Maltin u l-Għawdxin.

U allura naħseb huwa ċar li kulħadd għandu jkun kontra rapport bħal dak, taħsibha kif taħsibha fuq l-abort,” stqarr il-kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista fil-PE David Casa.

Kontra dak li għamlet id-delegazzjoni ta’ Agius Saliba, id-deputati tal-PN David Casa u Peter Agius, bħalma dejjem jagħmlu, ivvutaw favur il-ħajja u kontra l-imposizzjoni tal-abort f’pajjiżna.