Il-gvern illum ressaq mozzjoni biex jitwaqqaf il-Kumitat Permanenti għall-Informatika; proposta li l-PN kien ressaqha sentejn ilu.
Fis-seduta parlamentari tal-lum il-gvern ressaq mozzjoni biex jitwaqqaf kumitat parlamentari ġdid li jiffoka fuq l-informatika. F’mozzjoni oħra, il-Gvern ressaq ukoll mozzjoni biex jitwaqqaf kumitat parlamentari ġdid dwar l-edukazzjoni.
Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li l-Oppożizzjoni taqbel mat-twaqqif ta’ dawn il-kumitati parlamentari u fakkar li f’Novembru 2023, id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg appellat biex jitwaqqaf il-Kumitat Permanenti għall-Informatika. Robert Cutajar qal li kellhom jgħaddu sentejn biex din il-propsoat tkun aċċettata.
Dwar il-Kumitat Permanenti għall-Edukazzjoni, Robert Cutajar qal li l-PN hu favur it-twaqqif ta dan il-kumitat u kompla li gvernijiet Nazzjonalisti dejjem investew bil-kbir fl-edukazzjoni.
Hu qal li fi tliet snin, il-gvern baqa’ jinjora l-appelli tal-PN għal bidliet fl-ordnijiet tal-parlament. Robert Cutajar qal li bla konsultazzjoni, il-gvern ressaq żewġ mozzjonijiet dwar kumitat ġodda iżda ma jridx jaċċetta li jitwaqqaf Kumitat Paramentari dwar il-Ġustizzja.
Minkejja l-appelli tal-Oppożizzjoni, il-gvern jibqa’ ma jridx iwaqqaf dan il-kumitat. Hu qal li Leaders of The House preċedenti kienu qalulu li l-gvern ma kellux problema biex iwaqqaf dan il-kumitat iżda baqa’ ma sarx xejn.
Robert Cutajar appella biex dan il-kumitat dwar il-ġustizzja jitwaqqaf qabel il-parlament jaġġorna għas-sajf.
Il-Whip Laburista Naomi Cachia qal li minkejja li l-kumitat ma kienx qed jiltaqa’, ma jfissirx li ma kinux qed isiru diskussjonijiet dwar ir-regoli tal-parlament. Hi sostniet li l-klima fil-parlament ma kinitx waħda adatta minħabba nuqqas ta’ rispett lejn il-kollegi. Il-Whip Laburista sostniet li issa l-klima hi aħjar u ttamat li d-diskussjonijiet isiru.
Robert Cutajar wieġeb li l-Oppożizzjoni trid taħdem u tikkoopera u qal li s-sitwazzjoni hi l-Oppożizzjoni għandha 14-il mozzjoni privata pendenti. Hu appella biex minflok il-parlament jaġġorna kmieni, il-gvern isib ħin biex jiddiskutihom.
//= $special ?>